Navigate Up
Sign In
Language: English
A A A

STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-INTERN U S-SIGURTA' NAZZJONALI

Reference Number: PR2318, Press Release Issue Date: Oct 20, 2013
 
​L-Oppożizzjoni trid taxxi fuq familji flok dħul minn oqsma ekonomiċi ġodda
 
Fl-istess jum li l-Prim Ministru qal li huwa lest jisma’ proposti tal-Oppożizzjoni biex jittejjeb programm għal individwi li jridu jinvestu f’Malta, il-Kap tal-Oppożizzjoni ħa linja kompletament kontra dan il-programm.
 
Il-Gvern jinnota li din hija t-tielet verżjoni minn esponenti għoljin tal-Partit Nazzjonalista fi tlitt ijiem.
 
F’taħdidiet bejn Gvern u Oppożizzjoni, l-Oppożizzjoni rappreżentata minn Tonio Fenech kienet kostruttiva u lesta li tikkopera. Il-bieraħ f’konferenza stampa minn Mario De Marco, l-Oppożizzjoni qalet li hi kontra iżda lesta li tiddiskuti. Illum il-Kap tal-Oppożizzjoni ħareġ jgħid li dan il-programm huwa "gravi ħafna” u huwa kompletament kontra.
 
Il-Kap tal-Oppożizzjoni jrid li l-flus jiġu mit-taxxi tal-familji Maltin u Għawdxin minflok programmi innovattivi li jattiraw lejn pajjiżna persuni ta’ kwalità li għandhom potenzjal li jinvestu u joħolqu x-xogħol f’pajjiżna.
 
L-attakk li għamel Simon Busuttil fuq ditta ta’ fama internazzjonali li għandha reputazzjoni dinjija f’dan il-qasam juri kemm il-Kap tal-Oppożizzjoni huwa iktar moħħu biex jagħmel il-ħsara milli jara kif Malta timxi ‘il quddiem lejn ekonomija iktar soda bi dħul finanzjarju li jitqassam b’mod ekwu fi proġetti għall-familji u n-negozji.