KUNSILL INNOVATTIV B’IDEAT KULTURALI LI QEGĦDIN IĦALLU L-FROTT

Reference Number: PR143020, Press Release Issue Date: Dec 30, 2014
 
Il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa kull ma jmur qiegħed ikompli juri l-innovazzjoni fejn tidħol il-kultura u l-promozzjoni ta’ pajjiżna fuq livell turistiku. Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata minn Dr Stefan Buontempo, Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa. Din il-konferenza stampa kienet indirizzata t-Tnejn 29 ta’ Diċembru 2014, fis-sedja tas-Soċjetà Filarmonica La Vittoria. Preżenti għal din il-konferenza stampa kien hemm preżenti wkoll is-Sur Andrew Farrugia li ftit tal-ġimgħat ilu kiser ir-rekord dinji għall-ogħla struttura taċ-ċikkulata.
 
Is-Sur Farrugia spjega kif irnexxielu jikser dan ir-rekord meta tella’ esebizzjoni f’Dubai. Waqt din l-esebizzjoni, li ttellgħet fl-Ajruport ta’ Dubai, ħadu sehem diversi artisti Melliħin li kisbu l-appoġġ meħtieġ mingħand il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa. Dawn l-artisti, li jinkludu lil Andrew Farrugia, David Farrugia, Jamie Cini, Braden Schembri, Adriana Scerri, John Sammut, Mary Sammut, Michael Vella, Anthony Bugeja u John Vic Borg, tellgħu diversi esebizzjonijiet ta’ kultura u arti tradizzjonalment Maltija. Fost l-esebizzjonijiet u x-xogħol li tellgħu kien hemm pittura fuq it-tila, xogħol ta’ skultura fiċ-ċikkulata, xogħol maħdum bis-smid u kif ukoll il-ħidma tradizzjonali tal-bizzilla.
 
Is-Sindku tal-Mellieħa, s-Sur John Buttigieg, saħaq kemm il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa jagħti importanza lill-kultura u kif minn sena għall-oħra qiegħed ikompli jżid l-investiment f’dan is-settur hekk importanti fis-soċjetà. Il-viċi Sindku Clayton Bartolo tkellem fuq l-attività li qiegħed jorganizza l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa f’Lejliet l-Ewwel tas-Sena, attività li qiegħda tittellgħa għall-ewwel darba fil-pjazza tal-Parroċċa. Din l-attività tifforma parti mill-attivitajiet li organizza l-Kunsill Lokali flimkien ma’ diversi għaqdiet oħra Melliħin għal żmien il-Milied. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet huma immirati għall-familja kollha u jibdew mid-9pm ‘il quddiem. Preżenti kien hemm ukoll il-President u l-viċi President tal-Għaqda tan-Nar Maria Bambina tal-Mellieħa li għal din l-okkażżjoni qegħdin jikkordinaw ħarqa spettakolari ta’ nar sinkronizzata mal-mużika.
 
Dr Stefan Buontempo rringrazzja lill-artisti kollha li taw sehemhom sabiex isem Malta u isem il-Mellieħa setgħu jitpoġġew fuq il-mappa dinjija meta nkiser dan ir-rekord dinji. Huwa rringrazzja wkoll lill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa tax-xogħol u l-inizjattivi li qiegħed jieħu b’risq il-kultura Maltija u kif ukoll faħħar l-idea innovattiva li l-Kunsill appoġġja lil dawn l-artisti għax b’hekk ingħataw l-opportunità li jesebixxu parti mit-talenti u l-kultura Maltija ġewwa Dubaj. Dr Buontempo saħaq li l-Kunsilli Lokali għandhom ikunu innovattivi f’dak kollu li jagħmlu u fl-attivitajiet li jorganizzaw sabiex b’hekk il-ħidma tagħhom tħalli l-frott mixtieq. Huwa għalaq billi rringrazzja lill-għaqdiet kollha li taw is-sehem tagħhom sabiex dawn l-attivitajiet tal-Milied setgħu jirnexxu.