ANZJANI RESIDENTI FID-DAR TAL-IMTARFA B’XOGĦLIJIET GĦAL GĦANIJIET FILANTROPIĊI

Reference Number: PR143021, Press Release Issue Date: Dec 31, 2014
 
Anzjani residenti fid-dar tal-Anzjani tal-Imtarfa ser ikunu qegħdin jagħmlu xogħlijiet u oġġetti magħmulin mis-suf għal għanijiet filantropiċi.
Waqt żjara fl-istess residenza, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Justyne Caruana, faħħret l-inizjattiva tal-anzjani u l-amministrazzjoni tar-residenza li se titwettaq bl-għajnuna tat-taqsima għal Anzjanità Attiva; taqsima li qiegħda tagħmel ħafna xogħol sabiex l-anzjani residenti fid-djar tal-anzjani kif ukoll fiċ-ċentri ta’ matul il-jum iqattgħu ħin ta’ kwalità permezz ta’ attivitajiet varji.
Waqt iż-żjara tagħha s-Segretarju Parlamentari ġiet ippreżentata b’somma sabiħa li nġabret mill-anzjani residenti stess u mill-istaff fir-residenza tal-Mtarfa li se tingħata lill-Malta Community Chest Fund. Fiż-żjara tagħha fid-dar ipparteċipat ukoll fil-festin tal-Milied li sar lir-residenti fejn qassmet rigali lill-anzjani. Justyne Caruana faħħret il-ħidma tat-tmexxija u l-ħaddiema ta’ din id-dar u awguratilhom is-sena it-tajba.