IMWAQQFA L-KUMPANIJA NAZZJONALI TAD-DANZA TA’ PAJJIŻNA; ŻFIN MALTA

Reference Number: PR143022, Press Release Issue Date: Dec 31, 2014
 
Hekk kif is-settur kulturali qiegħed kull ma jmur jikber f’pajjiżna, il-pass naturali li jmiss kien li Malta, bħal ħafna pajjiżi oħrajn Ewropej, ikollha l-kumpanija nazzjonali taż-żfin tagħha li tiffoka fuq żfin kontemporanju. 
 
Il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali bi pjaċir iħabbar li ġiet imwaqqfa l-aġenzija ŻFIN Malta bis-sahha ta’ Avviz Legali 476/2014.  Din l-aġenzija se tkun responsabbli minn grupp ta’ żeffiena u kollaboraturi professjonali fil-qasam taż-żfin u minn repertorju artistiku li se jiġi ppreżentat fuq livell nazzjonali u internazzjonali. L-għan tagħha huwa wkoll li tiġġenera u tkabbar l-udjenza għaż-żfin permezz ta’ proġetti li jħeġġu l-inklussività u li huma aċċessibbli għal kulħadd waqt li tmexxi ‘l quddiem l-isem ta’ pajjizna.
 
Il-Bord ta’ Żfin Malta se jitmexxa minn Alison White. Il-membri l-oħra tal-Bord se jitħabbru fil-jiem li ġejjin
 
Fl-aħħar xhur ‘il fuq minn 700 żeffien/a minn skejjel taż-żfin privati u mill-Università ta' Malta fost oħrajn applikaw għal post fi ħdan ŻFIN Malta.
 
Minn dawn, tmienja ġew magħżula bħala membri tal-kumpanija: erba’ Maltin, tliet Franċiżi u Grieg. Flimkien, dawn it-tmien żeffiena jiffurmaw il-kumpanija nazzjonali taż-żfin. Mal-grupp hemm ukoll żewġ żeffiena Maltin oħra bħala apprentisti.
 
Il-grupp ta’ żeffiena huwa mmexxi mid-direttur artistiku ta’ ŻFIN Malta, Mavin Khoo, żeffien u koreografu ta’ fama internazzjonali.