IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU DR EDWARD ZAMMIT LEWIS IŻUR IL-LUKANDI U RISTORANTI LEJLET L-EWWEL TAS-SENA

Reference Number: PR143025, Press Release Issue Date: Dec 31, 2014
 
Lukandiera impressjonati bl-andament turistiku fix-xitwa u bil-‘bookings’ għal attivitajiet fil-lukandi fil-festi
 
Illum il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis żar żewġ lukandi, waħda ta’ ħames stilel il-Corinthia San Ġorġ u lukanda ta’ erba’ stilel il-Golden Tulip Vivaldi u ristorant Sciacca fl-inħawi ta’ San Ġiljan fejn segwa mill-qrib l-aħħar preparamenti b’rabta maċ-ċelebrazzjonijiet tal-ewwel tas-sena.
 
F’indirizz qasir, il-Ministru għat-Turiżmu saħaq kif il-ħsieb wara dawn iż-żjarat hu li wieħed juri l-apprezzament lill-ħaddiema kollha li f’dawn iż-żminijiet ikunu impenjati ferm, kemm f’lukandi kif ukoll f’ristoranti madwar Malta u Għawdex.
 
Il-Ministru Zammit Lewis iddeskriva s-sena 2014 bħala waħda rekord għall-industrija tat-turiżmu li tikkontribwixxi madwar 30% tal-prodott gross domestiku ta’ pajjiżna. Ir-riżultati miksuba, sostna l-Ministru Zammit Lewis,  ikomplu  jikkonfermaw kemm hi għaqlija l-politika tal-Gvern li jkompli jieħu l-miżuri biex isaħħaħ u jinċentiva t-tkabbir f’dan is-settur li jsarraf  kemm f’ġid ekonomiku u f’impjiegi.
 
Skont  iċ-ċifri li ġew mħabbra mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika aktar kmieni din il-ġimgħa għal Novembru 2014, il-Ministru Zammit Lewis innota li għalkemm għadna ma spiċċajniex is-sena, iċ-ċifri tal-ammont ta’ wasliet, l-iljieli mqatta’ u l-infieq diġà qabżu ċ-ċifri rreġistrati sal-aħħar tas-sena 2013.  Huwa aċċenna wkoll li t-tkabbir li qed nesperjenzaw  b’mod partikolari f’dawn ix-xhur off peak hu xhieda tal-ħidma tal-Gvern fis-settur turistiku li qed irodd lura b’mod pożittiv għall-aħħar u qed ikun ikkonfermat l-impenn tal-Gvern għal turiżmu li jkun sostenibbli tul is-sena kollha, li jfisser kundizzjonijiet tax-xogħol u opportunitajiet aħjar għall-ħaddiema f’dan is-settur.
 
Il-Ministru Zammit Lewis saħaq li dan hu kollu frott il-ħidma li ssir bejn il-Ministeru għat-Turiżmu, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, il-Malta Hotels and Restaurants Association (MHRA) u l-partijiet interessati kollha. Il-Ministru tenna li jinsab determinat li bil-ħidma ta’ kulhadd, fis-sena 2015 Malta ma jkollhiex biss rekord bin-numri fit-turiżmu, iżda fuq kollox,  li Malta tikseb isem ta’ destinazzjoni ta’ kwalita’ fuq il-mappa tad-dinja.
 
Il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis ikkonkluda billi esprima l-isbaħ xewqat għas-sena l-ġdida.
 
F’din iż-żjara, il-Ministru Zammit Lewis kien akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu is-Sur Paul Bugeja, iċ-Chairman Dr Gavin Gulia, il-Kap Eżekuttiv tal-MHRA is-Sur Andrew Agius Muscat, uffiċjali għolja tal-MHRA kif ukoll mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għat-Turiżmu Dr Mario Rodgers.