MESSAĠĠ TAL-PRIM MINISTRU, L-ONOR. JOSEPH MUSCAT, GĦAS-SENA L-ĠDIDA

Reference Number: PR143026, Press Release Issue Date: Dec 31, 2014
 

L-2014, kienet sena li matulha komplejna nwettqu l-pjan tagħna għal Malta.  Pjan ambizzjuż, li kien hemm min kellu dubju jekk jistax jitwettaq, iżda li issa hemm il-provi li qed jirnexxi.

Il-provi ġejjin mill-istatistika u minn dak li jgħidulna l-aġenziji internazzjonali li m’għandhomx x’jaqsmu mal-politika partiġjana.  Jgħiduha kif iħossu.  U jħossu li l-ekonomija ta’ pajjiżna sejra tajjeb.  Hija prattikament fl-aħjar sitwazzjoni f’ġenerazzjoni sħiħa.

Dawn l-aġenziji huma importanti ħafna.  Iżda aktar importanti minn hekk huwa dak li tgħidu intom fil-kwiet ta’ djarkom meta tinġabru mal-familja, jew meta tkunu fuq il-post tax-xogħol jew fejn titgħallmu, meta titkellmu flimkien ma’ sħabkom.

Kemm l-aġenziji kif ukoll il-familji u n-negozji tagħna huma ottimisti.  L-affarijiet sejrin għall-aħjar.  Ix-xogħol qed jiżdied; il-qgħad qed jonqos; il-kontijiet tad-dawl naqsu għall-familji u issa se jonqsu għan-negozji; l-ekonomija qed titjieb.

Jien mhux qiegħed hawn illum biex noqgħod nirrepeti dan kollu, għaliex dan tafuh, u naħseb iddejjaqtu bil-politiċi jaqbdu wieħed f’ieħor.  Lanqas ma jien se noqgħod nagħmel listi dwar x’għamilna fl-2014.  Dak issa għadda u mar.  Minflok, nixtieq nitkellem dwar il-futur.  Dwar kif l-2015 għandha tkun sena li fiha ntejbu t-tajjeb li diġà ksibna, filwaqt li nitgħallmu mill-iżbalji li għamilna.

Il-prijorità se tibqa’ x-xogħol.  Sirna l-aktar pajjiż fl-Ewropa li joħloq ix-xogħol, u fost l-inqas li għandu qgħad.  Li kieku ma konniex ambizzjużi, konna ngħidu li għamilna biżżejjed.  Iżda l-ispirtu li mexxiena tant ’il quddiem jgħidilna mod ieħor.  Meta tkun qed tirnexxi, trid tirnexxi saħansitra aktar.  Dak huwa l-għatx ta’ ġenerazzjoni li trid lil Malta tkun l-aqwa fl-Ewropa.

Biex inkabbru l-ekonomija se nkomplu ninvolvu dejjem aktar lis-settur privat, li huwa l-veru mutur li joħloq ix-xogħol.  Dan l-involviment tal-privat f’setturi bħall-enerġija huwa bla preċedent f’pajjiżna.  Iżda hija sfida li se twelled opportunitajiet ġodda.  Irridu nitgħallmu naħdmu f’dan il-qafas ġdid.

Għaliex ninsistu tant fuq l-ekonomija?  Għaliex għalxejn nitkellmu dwar kif se nqassmu l-ġid jekk l-ewwel ma noħolquhx. 

Irridu koalizzjoni tal-ħolqien tax-xogħol fejn nippremjaw il-bżulija, biex mill-ġid li noħolqu ngħinu lil dawk li huma verament fil-bżonn f’pajjiżna.  Dik hija l-ġustizzja soċjali li nemmnu fiha bħala poplu.  Ngħinu permezz tal-edukazzjoni, tas-saħħa, tas-servizzi soċjali li aħna tant kburin bihom.  Hekk tinħoloq middle class ġdida.

Ġustizzja soċjali li tissarraf ukoll f’opportunitajiet indaqs.  Fl-2014 għamilna pass ta’ ġgant bl-introduzzjoni tal-unjoni ċivili.  Kienet l-akbar turija f’pajjiżna li verament nemmnu li kulħadd huwa ndaqs.  Stajna qgħadna gallarija iżda minflok għażilna li ningħaqdu ma’ minoranza u nuru li Malta tittratta lil uliedha kollha l-istess.  U ma waqgħetx id-dinja kif kienu qed jaħsbu wħud.

Hawn ukoll ma nistgħux nistrieħu fuq din il-kisba kbira.  Se jkollna sfidi oħra kbar fejn se jkun hemm min ibeżżagħna, iżda li hemm bżonn li niddeċiedu għal ġid ta’ wliedna.  L-ewwel waħda tkun magħna dalwaqt meta nikkonkludu d-dekriminalizzazzjoni tad-droga.  Fl-2015 ukoll se nagħtu d-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet lokali liż-żgħażagħ ta’ sittax-il sena.

L-ugwaljanza se tkun tema ewlenija għall-ħidma tagħna għall-2015, li se tkun is-sena li matulha se naraw li persuni b’diżabbiltà jkollhom aktar ċans għal post tax-xogħol, billi nwettqu liġi li ilha wisq snin fuq il-karta mingħajr ma titwettaq.

Ugwaljanza billi se nibdew is-sistema li ħaddiema tal-kuntratturi li jagħtu servizzi lil Gvern, jitħallsu mill-inqas daqs l-inqas grad tal-ħaddiema l-oħra li jagħmlu l-istess xogħol meta jidħlu kuntratti ġodda.

Ugwaljanza bejn nisa u rġiel, biex in-nisa jsiru dejjem aktar involuti fil-proċess tad-deċiżjonijiet f’pajjiżna.  Il-ħatra tal-President il-ġdid, mara li se tkompli tgħaqqadna, hija ta’ ispirazzjoni għal eluf ta’ nisa u tfajliet Maltin u Għawdxin, li ngħidu x’ngħidu jħossu li s-soċjetà tagħna għadha mhix ugwali biżżejjed.

Dan is-sinjal ma jistax jintemm ma’ din il-ħatra u rridu nħarsu lejn aktar ideat u mudelli ta’ kif in-nisa, ommijietna, uliedna, ħutna, li huma nofs il-popolazzjoni tagħna, ikollhom sehem aktar dirett fid-deċiżjonijiet li tieħu s-soċjetà tagħna.

Tafu t-tajjeb li għamilna, u tafu li għandna l-ħeġġa u l-enerġija biex nagħmlu aħjar.  Iżda nkun qed nonqos jekk ma nsemmix l-affarijiet li stajna għamilna aħjar u li rridu naraw li ntejbu għas-sena d-dieħla.  L-ekonomija sejra tajjeb u x-xogħol qed jiżdied.  Iżda dan mhux biżżejjed. 

Kien hemm drabi li bħala Gvern tajna impressjoni ta’ arroganza, li ma nisimgħux biżżejjed.  Mhux se noqgħod nipprova niġġustifika.  Konvint li ħafna drabi kienet aktar r-rieda li ngħaġġlu biex inwettqu l-affarijiet, għaliex nafu li hemm tant affarijiet li jistgħu jsiru.  Iżda kien hemm drabi oħra li ma smajniex biżżejjed.  Irridu nkunu umli biżżejjed biex dan nirrikonoxxuh.  Irridu ntejbu s-sistema ta’ governanza tagħna biex nuru kif id-deċiżjonijiet li qed jittieħdu huma verament dawk li nemmnu li huma l-aħjar għal pajjiżna.

Hemm bżonn li nitkellmu aktar mal-għaqdiet ambjentali, b’mod li nifhmu lil xulxin, mingħajr suspetti żejda. 

Nemmen li l-għan li madwaru nistgħu ningħaqdu huwa dak ta’ żvilupp sostenibbli.

Għandna l-isfida l-kbira li nerġgħu nibnu l-fiduċja fil-Korp tal-Pulizija, fejn is-soċjetà tagħna kollha tistenna aħjar minn dak li rajna fl-aħħar ġimgħat minn min qiegħed parti minn korp li l-għan tiegħu huwa li jipproteġina.

Għandna l-isfida oħra kbira tal-immigrazzjoni illegali, fejn fl-2014 kienet l-inqas sena li matulha waslu immigranti, u l-aktar sena li matulha ġew rilokati f’pajjiżi oħra.  Iżda l-kriżi umanitarja madwarna hija kbira u m’għandniex nistrieħu biss fuq dan ir-riżultat.  Irridu nkunu lesti għal diskussjoni kuraġġjuża u miftuħa dwar il-mod kif pajjiżna huwa mħejji għal din il-mewġa, nitkellmu dwar il-politika ta’ detenzjoni, u nagħmlu dan bla ipokrezija u billi nisimgħu fuq quddiem nett lill-komunitajiet l-aktar milquta.

Dawn huma sfidi kbar.  Iżda jien ottimist.  Ottimist għaliex matul l-2014 erġajt rajt lil Malta tikseb suċċessi ferm akbar milli ħadd seta’ qatt jimmaġina.  Pajjiż rispettat madwar id-dinja, li issa induna li l-Ewropa u l-Mediterran huma l-benniena naturali tagħna, iżda li nistgħu nimirħu lil hinn minnhom u niksbu riżultati.

Riżultati li jgħinu biex jitkabbar ix-xogħol u jitkattar il-ġid, biex nippremjaw il-bżulija u noħolqu middle class ġdida, biex iż-żgħażagħ tagħna jsibu l-opportunitajiet ta’ ħajja ambizzjuża f’pajjiżna stess, iżda wkoll biex naraw li s-soċjetà tagħna tgħin lil dawk kollha li veru għandhom bżonn, għaliex Malta hija Omm kulħadd.

Difetti għandna, u se naraw li nikkoreġuhom.  Tajjeb għandna wkoll iżda.  U dan ukoll se nkomplu ntejbuh.  Għalhekk jien ottimist.

F’ismi, f’isem marti Michelle, uliedna u l-familja tagħna, u f’isem il-Gvern, nixtiqilkom ilkoll Sena Ġdida mimlija Ġid u Saħħa.