STQARRIJA MAĦRUĠA MIS-SEGRETARJU PARLAMENTARI JOSÈ HERRERA

Reference Number: PR151891, Press Release Issue Date: Aug 28, 2015
 
Programm ġdid ta’ residenza u visa li mistenni jattira lejn pajjiżna investiment dirett barrani ġdid
 
F’Konferenza tal-Aħbarijiet fil-bini tal-Kamra tal-Kummerċ, is-Segretarju Parlamentari Josè Herrera llum indirizza lill-istakeholders u l-practioners dwar ir-Regolamenti tal-2015 fuq il-Programm ta’ Malta dwar Residenza u Visa. Huwa qal li permezz ta’ dan il-programm il-Gvern qed ikompli jaħdem biex jattira lejn pajjiżna aktar investiment ta’ kwalità. “Permezz ta’ programm ta’ residenza u visa, il-Gvern ser ikun qed jipprovdi mekkaniżmu biex iħajjar investituri internazzjonali jiġu jinvestu f’pajjiżna u jingħataw ċertifikat li bih ikunu jistgħu jirrisjedu, jistabbilixxu ruħhom jew jibqgħu f’Malta. Għal pajjiżna dan ifisser livell ieħor ta’ investiment u aktar tkabbir ekonomiku”, tenna Josè Herrera.
 
Permezz ta’ dan il-programm kull persuna ser tkun qed tinvesti b’mill-inqas terz ta’ miljun ewro għal dan il-programm. Dan ser isir permezz ta’ xiri jew kiri ta’ propjetà, investiment u kontribuzzjoni. “Dawn huma flus li jistgħu jissarrfu f’aktar impjiegi, f’aktar taħriġ għall-ħaddiema, f’aktar proġetti biex insebbħu lil pajjiżna, f’investiment għal sahha aħjar u f’edukazzjoni aħjar għal uliedna”, saħaq is-Segretarju Parlamentari.
 
Matul il-Konferenza tal-Aħbarijiet is-Segretarju Parlamentari ta ħarsa lejn dak li qed jiġri f’pajjiżi oħra tal-UE li lkoll ghandhom programmi simili bi skemi varji ta’ investimenti li jvarjaw minn xiri jew kiri ta’ propjetà għal oħrajn għall-investimenti finanzjari f’forom differenti.
 
Huwa qal li l-permess ta’ residenza li qed jingħata tramite dan il-programm huwa privileġġ u mhux dritt. Dan ifisser li l-Aġenzija responsabbli li tat dan il-permess ser ikollha l-fakultà li tirtira dan iċ-ċertifikat. U dan abbażi ta’ kundizzjonijiet li jinstabu fil-liġi. Spjega li l-persuna li qed tapplika biex tkun benefiċċjarju jrid ikollha mill-anqas tmintax-il sena, tissodisfa l-ħtiġiet tal-applikazzjoni fosthom li l-kondotta kriminali tagħhom u tad-dipendenti hija nadifa, tintrabat li tipprovdi prova ta’ titolu fuq proprjetà f’Malta li tikkwalifika f’dawn ir-regolamenti; li tintrabat li tinvesti f’investiment li jikkwalifika; li tintrabat li tħallas il-kontribuzzjoni sħiħa skont dawn ir-regolamenti.
 
Huwa qal li l-investiment fil-propjetà f’Malta li jrid isir biex wieħed ikun jista’ jikkwalifika għal dan il-programm jikkonsisti f’dan li ġej: jew investiment ta’ tliet mija u għoxrin elf ewro (€320,000) għal proprjetà li tinsab f’Malta inkella investiment ta’ mitejn u sebgħin elf ewro (€270,000) għal proprjetà li tinsab f’Għawdex jew fin-nofsinhar ta’ Malta, inkella proprjetà mikrija għal mhux inqas minn tnax-il elf ewro (€12,000) fis-sena għal proprjetà li tinsab f’Malta jew għaxart elef ewro (€10,000) fis-sena għal proprjetà li tinsab f’Għawdex jew fin-nofsinhar ta’ Malta.
 
Il-benefiċċjarju jrid jintrabat ukoll li jagħmel investiment f’forma determinata minn żmien għal żmien minn Identità Malta li jkun ta’ valur ta’ mitejn u ħamsin elf ewro (€250,000) filwaqt li jħallas kontribuzzjoni ta’ tletin elf ewro (€30,000). Josè Herrera qal li dan il-programm japplika għall-"ċittadin ta’ pajjiż terz", li tfisser persuna li ma tkunx ċittadin tal-Unjoni Ewropea, u kull applikazzjoni trid titmexxa minn "aġent approvat u, jew persuna akkreditata" li trid tkun persuna li jkollha warrant biex teżerċita l-professjoni ta’ avukat, prokuratur legali, nutar, jew accountant.  Kull applikazzjoni trid tkun sostnuta b’assigurazzjoni kontra l-mard fir-rigward tar-riskji kollha fl-intier tal-Unjoni Ewropea, li huma normalment koperti għal ċittadini Maltin, għalih innifsu u għad-dipendenti tiegħu.
 
Fil-Konferenza tal-Aħbarijiet is-Segretarju Parlamentari qal li dawn ir-regolamenti ma sarux mil-lejl għan-nhar imma – kif tixhed l-Oppożizzjoni – kienu ilhom xhur jiġu preparati. Huwa qal li fl-aħħar ġimgħat huwa flimkien ma’ tekniċi minn tiegħu ltaqgħu mad-Deputat Kap tal-PN Dr Mario De Marco biex jagħmlu konsultazzjonijiet miegħu. Qal ukoll li l-Gvern laqa’ xi suġġerimenti li saru mill-Oppożizzjoni.
 
Josè Herrera qal li dawn ir-regolamenti ser iġibu effett pożittiv ħafna fuq l-ekonomija tal-pajjiż għaliex ser ikunu qed ifissru investiment dirett barrani lejn l-ekonomija tal-pajjiż.