STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-GVERN TA’ MALTA: F’Għawdex it-tkabbir ekonomiku żdied b’erba’ darbiet u l-impjiegi żdiedu bi tliet darbiet

Reference Number: pr152934, Press Release Issue Date: Dec 30, 2015
 
Ċifri ppublikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jikkonfermaw b’mod ċar il-bidla pożittiva li seħħet f’Għawdex taħt din l-amministrazzjoni. Din l-istatistika turi kif it-tkabbir ekonomiku fl-2014 żdied b’erba’ darbiet meta mqabbel mal-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti, minn 1.8% fl-2012 għal 8.1% fl-2014.
 
Fl-2012 il-ġid nazzjonali ras għal ras f’Għawdex kien 66.9% tal-medja nazzjonali. Sentejn wara dan il-ġid nazzjonali laħaq it-68.7%. Dan ifisser li kien hemm tnaqqis fid-distakk tal-ġid nazzjonali bejn iż-żewġ gżejjer.
 
Filwaqt li fl-2012 l-ekonomija Għawdxija kibret b’1.8% biss imqabbel mat-tkabbir ta’ 5.1% f’Malta, matul l-2014 it-tkabbir f’Għawdex kien aħjar minn dak f’Malta. Il-prodott gross domestiku Għawdxi matul l-2014 kiber bi 8.1% kontra l-5.8% irreġistrat f’Malta.  
 
Fost is-setturi f’Għawdex li kibru ħafna matul l-2014, saħansitra b’rata ogħla minn dik f’Malta, wieħed isib il-manifattura, il-kostruzzjoni, il-wholesale u r-retail, il-lukandi u r-ristoranti, l-informatika u l-komunikazzjoni, is-servizzi professjonali u tekniċi u s-settur tal-arti u r-rikreazzjoni.
 
Dan ir-riżultat pożittiv wassal biex, fl-ewwel sentejn ta’ Gvern ġdid, l-impjiegi f’Għawdex  żdiedu b’774, jew 7.3%. Fl-2014 biss l-impjiegi f’Għawdex żdiedu b’520, iġifieri tliet darbiet akbar miż-żieda fl-2012.
 
Filwaqt li fl-2012 iż-żieda fl-impjiegi f’Għawdex kienet in-nofs dik ta’ Malta (1.6% f’Għawdex kontra t-2.9% f’Malta), fl-2014 iż-żieda f’Għawdex kienet aktar minn ta’ Malta b’punt perċentwali (4.8% f’Għawdex kontra t-3.9% f’Malta).
 
Dan il-Gvern se jibqa’ kommess li jibni fuq il-bżulija tal-poplu Għawdxi biex din il-gżira tissaħħaħ bħala mutur ekonomiku li joħloq aktar xogħol u ġid għall-Għawdxin.