STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-GVERN TA’ MALTA: L-inqas numru ta’ nies jirreġistraw fix-xahar ta’ Novembru mill-1980 'l hawn

Reference Number: PR152936, Press Release Issue Date: Dec 31, 2015
 
Novembru 2015 kien ir-raba’ xahar konsekuttiv li fih in-numru ta’ nies jirreġistraw f’pajjiżna waqa’ taħt il-5,000. Matul ix-xahar li għadda fil-fatt, in-numru ta’ persuni jirreġistraw għall-impjieg naqas għal 4,760, li huwa l-inqas numru ta’ nies jirreġistraw fNovembru mill-1980 ‘l hawn.
 
Imqabbel ma sena ilu, il-qgħad naqas b’1,741 persuna; dan ifisser li, fit-tnax-il xahar li għaddew, kull jumejn disa persuni qiegħda sabu xogħol. B’kuntrast, matul il-ħames snin tal-amministrazzjoni preċedenti, bħala medja, kull jumejn persuna aktar kienet tispiċċa tirreġistra. Fiż-żmien meta Simon Busuttil kien il-Viċi Kap tal-Partit fil-Gvern, in-numru ta’ nies jirreġistraw kien żdied b’aktar minn erba persuni kull jumejn.
 
It-tnaqqis qawwi fil-qgħad qed jinħass l-aktar fost iż-żgħażagħ. Fl-aħħar tnax-il xahar kien hemm tnaqqis ta’ 480 fin-numru ta’ żgħażagħ bla xogħol. Miżuri bħall-garanzija għaż-żgħażagħ—dik li l-Kap tal-Oppożizzjoni jsejjaħ il-garanzija tal-washing machinesa issa kienet soluzzjoni għan-nuqqas ta’ xoghol ta’ erbgħa minn kull għaxar żgħażagħ qiegħda.
 
Fl-istess ħin, kien hemm ukoll tnaqqis ta’ 509 persuni fin-nies jirreġistraw li għandhom età ta’ 45 sena jew aktar, kategorija ta’ nies qiegħda meqjusa fost l-aktar eskluża mis-suq tax-xogħol. Dan ifisser tnaqqis ta’ 22% mil-livell ta’ sena qabel.
 
Kategoriji oħrajn meqjusin f’riskju soċjali wkoll urew titjib. Fost dawk li ilhom jirreġistraw għal aktar minn sena, kien hemm tnaqqis ta’ xi 830, jew 27%, filwaqt li l-qgħad fost dawk b’diżabilità naqas bi kważi 70 persuna, jew 15%.
 
In-numru ta’ Għawdxin jirreġistraw għax-xogħol naqas għal 666 f’Novembru  minn 742 fi tmiem l-amministrazzjoni li għaddiet—dan ifisser titjib ta’ 10%.
 
Fi tmiem l-amministrazzjoni preċedenti, 7,300 persuna kienu bla xogħol, żieda ta’ kważi 950 persuna f’ħames snin. Fi ftit aktar minn nofs il-leġislatura, l-amministrazzjoni preżenti għenet lil kważi 2,600 persuna qiegħda ssib l-impjieg li jixirqilha.
 
Dan huwa l-aqwa ċertifikat li Malta għandha ekonomija b’saħħitha u, permezz tal-miżuri tal-Budget 2016, aktar persuni se jingħataw opportunità biex itejbu l-għixien tagħhom.