STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT U L-INFRASTRUTTURA: Tlesta x-xogħol infrastrutturali fuq il-proġett nazzjonali għat-taffija tal-għargħar

Reference Number: PR152937, Press Release Issue Date: Dec 31, 2015
 
Ix-xogħol ta’ tħaffir ta’ mini taħt l-art u infrastrutturi oħrajn fuq il-komponenti kollha tal-proġett nazzjonali għat-taffija tal-għargħar tlesta.
 
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi qal li dan il-proġett għandu jnaqqas l-impatt tal-għargħar però ma jfissirx li se jsolvi l-problemi tal-għargħar fil-pajjiż kollu. Huwa qal li fiż-żmien li ġej, il-Gvern se jkun qed jistudja l-effetti fuq inħawi oħrajn li ma kinux inklużi fil-proġett u jara kif jista’ jimplimenta xogħlijiet addizzjonali biex anki hawn tittaffa l-problema tal-għargħar.
 
Dan il-proġett, parzjalment iffinanzjat mill-UE, għandu l-iskop li jgħin fit-taffija tal-għargħar f’diversi lokalitajiet bħal Birkirkara, Ħal Lija, Msida, Ħal Balzan, Ħ’Attard, Iklin, Gżira, Wied il-Għajn, Ħaż-Żabbar, Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi u l-Marsa.
 
Permezz tiegħu, se jkunu qed jiġu affettwati b’mod pożittiv kważi 17,000 persuna direttament u aktar minn 213,000 persuna indirettament. Madwar 4,500 proprjetà se jibbenefikaw ukoll minn dan il-proġett. Barra li se jgħin fit-taffija tal-għargħar, huwa mistenni wkoll li l-ilma tax-xita jiġi mmaniġġjat aħjar biex kemm jista’ jkun, jintuża bħala riżors.
 
Il-proġett, li b’kollox involva investiment ta’ madwar 55 miljun ewro, kien jinkludi l-bini ta’ madwar 16-il kilometru ta’ mini taħt l-art, b’dijametru ta’ bejn 3 metri u 6.5 metri biex jilqgħu fihom l-ilma tax-xita minn postijiet li jsofru l-aktar għargħar. Jinkludi wkoll ġibjun u gandotti u gradilji fit-toroq flimkien mal-bini mill-ġdid ta’ pontijiet li jevitaw li l-ilma jispiċċa f’żoni vulnerabbli għall-għargħar filwaqt li jieħu ħsieb li jilqa’ kemm jista’ jkun ilma għall-konservazzjoni.
 
Fil-komponent tal-Gżira, inbena ġibjun li kapaċi jilqa’ fih madwar 10,000 metru kubu ta’ ilma li jkun ġej minn Wied Għollieqa u li qabel kien ifur fi Triq Ġuże Miceli u l-akwati tal-madwar u jibqa’ sejjer sax-xatt tal-Gżira. Dan il-ġibjun kien mibni b’tali mod li jħalli l-ilma jipperkola taħt l-art biex iżid mal-ħażna tal-ilma ta’ taħt l-art. Il-ġibjun se jservi wkoll biex fih ikun ippumpjat ilma li se jinġabar fil-mina tal-komponent ta Birkirkara/Msida u b’hekk ikunu riċiklati madwar 270,000 metru kubu ta’ ilma tax-xita.
 
Il-komponent ta’ bejn Birkirkara u l-Imsida huwa l-akbar wieħed, b’tul ta’ 11-il kilometru ta’ mini taħt l-art, fejn inbnew ukoll 730 metru ta’ gradilji u culverts li jilqgħu l-ilma tat-triq, 52-il sedimentator li jaqbdu żjut u trabijiet mit-toroq u 450 metru ta’ culverts fl-Iklin li jilqgħu l-ilma li jinżel f’din iż-żona min-Naxxar.
 
Il-komponent ta’ Ħaż-Żebbuġ kien jinkludi l-bini ta’ żewġ mini b’tul ta’ 2.3 kilometri, madwar 204 metru ta’ gradilji u culverts li jilqgħu l-ilma tat-triq u jwassluh fil-mini, 9 sedimentators u 400 metru ta’ culverts f’żewġ toroq ewlenin.
 
Il-komponent ta’ bejn Ħal-Qormi u l-Marsa kien jinkludi t-twaqqigħ u kostruzzjoni mill-ġdid ta’ tliet pontijiet, il-ftuħ ta’ fetħa ħdejn il-pont li hemm fi Triq San Bastjan, il-bini ta’ żewġ culverts kbar il-wisa’ tat-triq kollha u tul ta’ 550 metru ‘l wieħed, il-bini ta’ erba’ culverts kbar taħt Triq Aldo Moro b’tul ta’ 110 metru ‘l wieħed, żewġ culverts oħra b’tul ta’ 100 metru ‘l wieħed ħdejn il-pont l-antik fil-korsa tal-golf, u saru wkoll numru ta’ culverts ta’ madwar 625 metru tul f’diversi toroq f’Ħal-Qormi.
 
Il-komponent ta’ bejn Ħaż-Żabbar u Wied il-Għajn, kien jikkonsisti f’mina ta’ 3.2 kilometri, 200 metru spralli u culverts, u 19-il sedimentator. Fuq il-kosta bejn ix-Xgħajra u Ħaż-Żabbar, inbniet struttura li tikkontrolla l-ħruġ tal-ilma tax-xita li jinżel fil-baħar billi jinżamm parti minnu għall-konservazzjoni u li permezz tagħha, se jiġi kkonservat medja ta’ 30,000 metru kubu ta’ ilma tax-xita kull sena.
 
Il-proġett nazzjonali għat-taffija tal-għargħar se jiġi nawgurat uffiċjalment fil-ġranet li ġejjin.