​STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Reference Number: PR152938, Press Release Issue Date: Dec 31, 2015
 
Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca llum tat u laqgħet l-awguri għas-sena l-ġdida fil-Palazz tal-President il-Belt Valletta.   Waqt li laqgħet lill-Arċisqof ta’ Malta l-Monsinjur Charles J Scicluna,  il-President qalet li tirrikonoxxi li l-Knisja f’Malta kienet pijuniera fl-għoti ta’ servizzi b’risq is-soċjetà.  Qalet li filwaqt li dan l-irwol karitattiv tal-Knisja huwa  bżonnjuż, huwa importanti li l-politiċi tagħna jibqgħu mexjin fit-twettiq tal-ġustizzja soċjali ħalli s-soċjetà Maltija tkun tassew waħda inklussiva.  Qalet li “Il-Knisja Maltija għandha tibqa’ il-kuxjenza soċjali biex bħala poplu nibqgħu esiġenti favur ambjent soċjali inklussiv u dinjituż”.
 
Waqt li tat l-awguri lill-Prim Ministru Joseph Muscat, il-President qalet, “Filwaqt li rrid nirrikonoxxi fatturi pożittivi tal-ħidma tal-Gvern matul din is-sena li rriżultaw fi tkabbir ekonomiku sinifikanti u l-inizjattivi li ġew introdotti, u li se jiġu introdotti,  biex nindirizzaw il-problema tal-faqar fost it-tfal u l-pensjonanti rrid inkompli nenfasizza fuq il-bżonn li nkomplu nindirizzaw il-problemi ta’ adoloxxenti u żgħażagħ li qed jitilqulna mis-sistema edukattiva kmieni, u li r-riċerka qed turina li dawn huma żgħażagħ li jsibu ruħhom f’diffikultajiet emozzjonali, soċjali u anki ta’ saħħa.  Dawn iż-żgħażagħ ħafna minnhom ma jħossuhomx u mhumiex benefiċjarji ta’ soċjetà inklussiva.  Nappella biex l-isforzi tagħna ma jiqfux mal-qasam edukattiv iżda jkunu sforzi b’inizjattivi soċjali integrati fejn l-individwu, l-familja, l-komunità u s-soċjetà ċivili jkunu kollha involuti” 
 
Il-President tat u laqgħet ukoll l-awguri lill-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia u lill-membri parlamentari.  Waqt dawn l-awguri l-President qalet li filwaqt li trid tirrikonoxxi s-sagrifiċċji li jagħmlu l-parlamentari u l-familji tagħhom,  tħeġġeġ biex għas-sena li ġejja, il-parlamentari tagħna jaħdmu aktar biex inisslu aktar fiduċja fil-poplu lejn il-politiċi.  Il-President irreferiet għal stħarriġ riċenti li juri li sittin fil-mija tal-poplu Malti m’għandux fiduċja fil-parlamentari. Qalet li  din hija inkwetanti għax il-parlamentari huma pilastru importanti li fuqha hija mibnija d-demokrazija.  “Inħoss li huwa importanti wkoll li naħdmu biex nagħtu iktar rispett lil xulxin għaliex ir-rispett irridu naħdmu għalih u mhux jingħatalna.  Inkompli nħeġġeġ biex il-parlamentari tagħna jkollhom iktar riżorsi biex ikunu jistgħu jitħarrġu u jitħejjew aktar.  Inħeġġeġ ukoll lill-awtoritajiet tal-Università biex fil-futur qrib tiżviluppa degree fix-xjenza politika u li l-parlament jikkunsidra t-twaqqif ta’ Akkademja għall-politiċi u dawk potenzjali.”
 
Waqt l-iskambju tal-awguri mal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, il-President qalet li  filwaqt li tirrikonoxxi l-ħidma tal-oppożizzjoni u tirringrazzjaha għax-xogħol li sar anki bl-aħħar pubblikazzjoni ta’ dokument dwar il-bini tal-fiduċja fil-politika, tħeġġeġ biex l-oppożizzjoni tkun pro pożittiva u kostruttiva fl-aħjar interess ta’ pajjiżna.  
 
Il-President ta’ Malta tat ukoll l-awguri lill-Prim Imħallef Silvio Camilleri u lill-membri tal-ġudikatura  fejn awgurat lill-ġudikanti  biex ir-riforma fis-sistema ġudizzjarja jħaddmuha biex iġġib il-frott mixtieq.   Il-President ħeġġet lill-ġudikanti biex it-tfal jingħataw vuċi effettiva fil-Qorti speċjalment tal-familja u li jħarsu fuq kollox l-aħjar interess tat-tfal fid-deċiżjonijiet tagħhom billi jassiguraw li t-tfal fil-Qorti tal-familja jingħataw l-istabbiltà meħtieġa.  “Inħeġġeġ ukoll biex il-Qorti tal-familja f’rikorsi li għandhom x’jaqsmu ma’ diffikultajiet li jinqalgħu bejn il-koppji fil-konfront tat-tfal jittieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn permezz tad-digrieti fl-iqsar żmien possibbli.”
 
Matul l-iskambji  tal-awguri għas-sena l-ġdida, il-President laqgħet lil diversi korpi kostitwiti, għaqdiet, u membri tal-pubbliku.