STQARRIJA MAĦRUĠA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAR-RIĊERKA, INNOVAZZJONI, ŻGĦAŻAGĦ U SPORT

Reference Number: PR160031, Press Release Issue Date: Jan 09, 2015
 
Lejliet il-bidu ta’ parteċipazzjoni storika għat-tim Malti fil-Finali tal-Kampjonat Ewropej tal-Waterpolo, sors ta’ kburija u għaqda nazzjonali, l-Oppożizzjoni għażlet li tirrikorri għall-iktar politika negattiva u partiġjana. Minflok messaġġ li jgħaqqad, l-Oppożizzjoni iddeċidiet li toħroġ bi skorretezzi assoluti biex tipprova tifred anke fuq l-isport.   
 
Bl-istqarrija tagħhom, il-kelliema nazzjonalisti ppruvaw imeru dak li huwa diġà pubblikament magħruf. Malli t-tim nazzjonali Malti kkwalifika għall-fażi finali f’Belgrade, is-Segretarju Parlamentari Chris Agius, fuq direzzjoni tal-Prim Ministru, beda diskussjonijiet mal-uffiċjali tal-Aquatic Sports Association (ASA) immexxija mill-President Joe Caruana Curran biex it-tim Malti jkun ippreparat bl-aħjar mod possibbli.
 
Fil-fatt, il-Gvern wasal biex jilqa’ t-talbiet kollha tal-ASA, inkluż dwar assistenza b’rabta mat-telf ta’ xogħol tal-players nazzjonali, b’għajnuna li wasslet mill-Fond tal-Kawżi Ġusti, mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u minn SportMalta. Dan il-fatt ġie wkoll rikonoxxut mill-President tal-ASA li rringrazzja pubblikament lill-Gvern għall-appoġġ kontinwu li sabet l-assoċjazzjoni.
 
L-Oppożizzjoni m’hijiex infurmata lanqas dwar is-sehem li se jagħti l-istazzjon nazzjonali f’dan l-avveniment storiku u għażlet li titkellem kmieni b'mod miżinfurmat.

Il-Gvern jawgura l-isbaħ xewqat lit-tim nazzjonali tal-waterpolo.