STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ NAZZJONALI:L-Oppożizzjoni terġa’ tipprova tagħmel ballun politiku minn każ ta’ saħħa

Reference Number: PR160172, Press Release Issue Date: Jan 28, 2015
 
Mhux minnu li l-Ministeru għall-Intern qiegħed jaħbi tagħrif dwar il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin (FKK). Sa minn kmieni lbieraħ fuq ‘online portal’ dehret allegazzjoni li żewġ priġunieri ddaħħlu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei kawża ta’ ‘overdose’.  Din l-allegazzjoni ġiet miċħuda minnufih fejn intqal ċar u tond li l-kaġun kien wieħed ta’ saħħa.
 
Il-Ministeru kkonferma wkoll li ż-żewġ priġunieri kienu qegħdin jinżammu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva minħabba problemi respiratorji. Ingħad ukoll li minn eżamijiet mediċi rriżulta li numru ta’ priġunieri fil-FKK kienu qegħdin ibatu bl-influwenza. Tajjeb jingħad li kemm il-priġunieri kif ukoll l-uffiċjali f’Novembru li għadda kienu offruti t-tilqima  tal-influenza. 109 aċċettaw li jieħdu din it-tilqima.

Sfortunatament wieħed miż-żewġ priġunieri miet dalgħodu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva  fl-Isptar Mater Dei.  Dwar dan inħarġet stqarrijja mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ftit wara l-11:30am.
 
Huwa faċli li l-Gvern joqgħod ifakkar f’liem stat tħalliet il-FKK taħt l-amministrazzjoni preċedenti. Iżda kwistjonijiet delikati bħal dawn jixraqilhom maturità u mhux partiġjaniżmu u tfiegħ ta’ allegazzjonjiet.