STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA: Tnaqqis konsiderevoli ta’ MRSA f’pajjiżna

Reference Number: PR170938, Press Release Issue Date: Apr 11, 2017
 
 Wara kampanja ta’ numru ta’ snin immexxija mit-team tal-Infection Control fl-isptar Mater Dei, illum għandna sitwazzjoni fejn il-każijiet ta’ MRSA f’Mater Dei naqsu minn 2 f’kull 1,000 każ għal 0.2 f’kull 1,000 każ

Dan qalu l-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ta informazzjoni dwar ir-rata ta’ tnaqqis tal-MRSA u l-miżuri li ttieħdu biex din tonqos.

“Fl-2009 pajjiżna kellu waħda mill-ogħla rata ta’ MRSA rrekordjata, b’żewġ każijiet għal kull 1,000 każ, ċifra li llum naqset għal 0.2 għal kull 1,000 każ,” qal il-Ministru Fearne.

Fost il-miżuri li ttieħdu biex tonqos l-MRSA, kien hemm alcohol rubs fis-swali kollha tal-isptar biex kemm nies li jkunu qegħdin iżuru pazjenti, kif ukoll il-professjoni medika, jaħslu jdejhom qabel u wara li jżuru pazjent. Beda jkun investigat kull każ ta’ infezzjoni ta’ MRSA, biex ikun determinat il-kawża u bdew isiru testijiet ta’ MRSA qabel ma persuna ssirilha operazzjoni, biex jekk ikunu carriers tagħha, dawn  jiġu kkurati qabel l-operazzjoni. Saret ukoll kampanja biex ma jinbigħux antibijotiċi mingħajr riċetta ta’ tabib.  “Iżda fuq kollox naqqasna b’99% il-pazjenti fil-kurituri, miżura li wkoll minħabba nuqqas ta’ iffullar waslet biex titnaqqas ukoll l-MRSA,” qal il-Ministru Chris Fearne. 

B’dan kollu, spjega l-Ministru Fearne, irnexxielna nnaqqsu l-infezzjonijiet ta’ MRSA b’90% fl-aħħar snin.