STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA: 825 każ li fihom pazjent ingħata trattament barra l-pajjiż

Reference Number: PR170959, Press Release Issue Date: Apr 13, 2017
 

Matul l-2016, kien hemm 825 każ li fihom pazjent ingħata trattament barra l-pajjiż. Minn dawn, 205 kienu tfal taħt tmintax-il sena, u għaldaqstant ibbenefikaw mill-miżura li daħlet fl-aħħar snin fejn il-Gvern iħallas għal żewġ ġenituri biex jakkumpanjaw lill-uliedhom waqt it-trattament.

Dan ħabbru l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, waqt żjara li għamel fis-sala tat-tfal fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. 

Matul is-sena li għaddiet, in-nefqa għat-trattament fuq pazjenti Maltin barra l-pajjiż kienet ta’ €4 miljun. Il-Ministru Fearne qal ukoll li aktar kemm jgħaddi ż-żmien, aktar qegħdin jiżdiedu l-interventi li jistgħu jsiru f’pajjiżna. 

“Grazzi għall-investiment li sar fl-Isptar Mater Dei fl-aħħar xhur bdejna nagħmlu l-Cardiac Ct’s u Cardiac MRI li matul l-aħħar xhur saru madwar 1,000 minnhom,”  qal il-Ministru Chris Fearne.

Il-Ministru rringrazzja lill-istaff tas-sala tat-tfal, u l-ħaddiema u voluntiera ta’ Puttinu għax-xogħol siewi li jagħmlu.