STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SERVIZZI FINANZJARJI, EKONOMIJA DIĠITALI U INNOVAZZJONI

Reference Number: PR172836, Press Release Issue Date: Dec 07, 2017
 
Il-‘Blockchain and Bitcoin Conference’ issa f’Malta. Il-Gvern Malti kommess li jwaqqaf regolatur li jirregola DLTs

“L-innovazzjoni u t-teknoloġija se jkunu il-muturi ewlenin għal tkabbir fil-futur. Evidenti f’dak li ħabbru aktar kmieni ir-regolaturi,”qal dan is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri meta indirizza l-Blockchain and Bitcoin Conference li indirizzat suġġetti b’rabta ma’ ICO, tendenzi fi ħdan l-industrija blockchain, l-iżvilupp ta’ cryptocurrencies u l-isfidi li hemm meta fuq livell leġislattiv ikun irregolat is-settur ta’ fintech. 

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li l-MFSA ħarġet dokument għal konsultazzjoni dwar muniti virtwali u li l-industrija għandha sal-bidu ta’ din is-sena biex tressaq il-ħsibijiet tagħha dwar is-suġġett u kif tħoss li dan is-settur għandu jkun irregolat. “Id-dokument għal konsultazzjoni se jwassal għal tfassil ta’ qafas leġislattiv dwar muniti virtwali u teknoloġiji relatati filwaqt li se jassigura protezzjoni tal-investituri, tas-suq finanzjarju u stabilità,”qal Schembri. 

Tul il-konferenza Schembri rrimarka li l-Awtorità Maltija għal-Logħob ħarġet sejħa għal dawk il-partijiet interessati biex jirreġistraw u jagħtu dettalji dwar Distributed Ledger Technology (DLT) u proġetti relatati ma’ cryptocurrencies, dan kollu bil-għan li tiżdied l-effiċjenza, li r-riskji ikunu indirizzati aħjar u li titjieb il-ħajja taċ-ċittadini. 

Schembri żied li l-Gvern Malti qed jaħdem bi sħiħ biex ikun stabbilit regolatur għal DLT’s filwaqt li jassigura li jibni ekosistema b’saħħitha għal din it-tip ta’ teknoloġija. “ Irridu li Malta tkun id-dar tagħkom,” qal Schembri lil aktar minn 350 delegat li attenda għal din il-konferenza.

Il-Blockchain and Bitcoin Conference hija serje ta’ attivitajiet internazzjonali li saru f’Moska, St.Petersburg, Kiev, Stokkolma, Tallinn, Praga u issa qed issir ukoll f’Malta. 

 
​​