STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA, DRITTIJIET TAT-TFAL U SOLIDARJETÀ SOĊJALI: Restawr tal-faċċata ta’ San Vinċenz de Paul u l-125 anniversarju

Reference Number: PR172971, Press Release Issue Date: Dec 29, 2017
 

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon u s-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis inawguraw il-faċċata ta’ San Vinċenz de Paul li ġiet restawrata, kif ukoll fakkru l-125 anniversarju tal-faċilità San Vinċenz de Paul. 

Michael Falzon irringrazzja lill-ħaddiema kollha illi kienu involuti f’dan ir-restawr filwaqt li faħħar l-inizjattiva illi qed tħalli aktar ġid f’San Vincenz. Dr Falzon qal li l-Gvern se jibqa’ kommess li jkompli b’aktar ħidma sabiex ir-residenza ikollha l-aqwa standards għall-anzjani kollha li jgħixu fiha. Qal illi se jkun qed jaħdem id f’id mas-Segretarju Parlamentari sabiex tingħata l-aqwa kura lill-anzjani. 

Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis faħħar ix-xogħol li sar sabiex San Vinċenz de Paul ikun jista’ jagħti l-kura li tixraq lill-anzjani. Minkejja li sar ħafna xogħol, fakkar li hemm diversi proġetti oħra pjanati għal futur fosthom it-tieni blokka tal-Kumpless Rużar Briffa fejn ser jiżdiedu tliet swali oħra b’130 sodda; kċina ġdida li diġà beda x-xogħol fuqha, menu tal-ikel ġdid għal anzjani; żieda ta’ 500 sodda, spiżerija ġdida, karozzi ġodda, Sala tad-Dimensja ġdida, u żieda fil-professjonisti f’oqsma varji. 

Iċ-Chief Executive Officer ta’ San Vinċenz De Paul, Dr Josianne Cutajar irringrazzjat lill-ħaddiema li ħadmu fuq ir-restawr tal-faċċata ikonika ta’ San Vinċenz de Paul. Irringrazzjathom ukoll tal-ħidma tagħhom fl-iżvilupp li sar u qiegħed isir f’San Vinċenz de Paul sabiex ikompli jogħla l-livell tal-kura tal-anzjani. Sqarret ukoll l-apprezzament tagħha lejn il-Kumitat dwar l-Għajnuna Soċjali talli ffinanzja r-restawr tal-faċċata li ġiet tiswa’ €300,000. 

Min-naħa tiegħu l-Eċċellenza Isqof Emeritu Pawlu Cremona bierek il-faċċata u l-bini ta’ San Vinċenz u filwaqt li awgura għax-xogħol li sar u li qiegħed isir, irringrazzja lill-anzjani għal kontribut tagħhom lejn is-soċjetà Maltija. ​