STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, SPORT U GĦAQDIET TAL-VOLONTARJAT: €118,000 f’għajnuna finanzjarja lil 46 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili

Reference Number: PR172972, Press Release Issue Date: Dec 29, 2017
 

B’finanzjament mill-Fond għas-Soċjetà Ċivili, li huwa amministrat mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju f’isem is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat, 46 organizzazzjoni fi ħdan is-soċjetà ċivili bbenefikaw minn total ta’ €118,000 f’għajnuna sabiex jibqgħu attivi fuq livell Ewropew. 

F’ċerimonja fiċ-Ċentru tal-Volontarjat fil-Belt Valletta, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima qassam għotjiet finanzjarji lir-rappreżentanti ta’ dawn l-għaqdiet. 

Waqt iċ-ċerimonja, is-Segretarju Parlamentari qal li l-Gvern jirrikonoxxi l-importanza li għandhom dawn l-organizzazzjonijiet f’pajjiżna u li l-Gvern qed jaġixxi b’mod responsabbli meta qiegħed jalloka fondi nazzjonali lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li qed ikomplu jsemmgħu leħen Malta fis-sessjonijiet plenarji tal-EU, liema sessjonijiet qed iwasslu għall-iktar kollaborazzjoni u opportunitajiet biex jisfruttaw il-fond tal-EU. Clifton Grima saħaq li l-Gvern iqis l-NGOs bħala msieħba importanti fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta’ dan il-pajjiż. 

Kompla jgħid li d-determinazzjoni u d-dedikazzjoni tan-nies li jwettqu xogħol fl-għaqdiet volontarji huwa essenzjali ħafna għax itejjeb id-dinjità tal-bniedem. 

Kull organizzazzjoni hija intitolata għal 80% tal-ispejjeż kollha li tkun għamlet f’parteċipazzjoni f’fora, mhux biss lokali imma anki fuq livell Ewropew. 

L-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili (CSOs) huma kkunsidrati bħala s-sinsla ta’ kwalunkwe soċjetà demokratika. Skont il-Kummissjoni Ewropea, l-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili (CSO’s) jinkludu organizzazzjonijiet mhux governattivi (organizzazzjonijiet volontarji), organizzazzjonijiet lokali, kooperattivi, Trade Unions, assoċjazzjonijiet professjonali, universitajiet, media u fondazzjonijiet indipendenti. ​

​​​