STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU: Il-messaġġ għas-sena l-ġdida 2018 mill-Prim Ministru Joseph Muscat

Reference Number: PR172974, Press Release Issue Date: Dec 31, 2017
 
Ninsabu għal darb’oħra bħala pajjiż f’mument importanti. Fejn kull wieħed u waħda minna mingħajr distinzjoni għandna rwol x’naqdu fis-soċjetà tagħna, soċjetà li qed tesperjenza perjodu ta’ bidla kontinwa. Bidla li xi kultant lanqas aħna stess u n-nies ta’ madwarna ma nkunu qed nifhmu biżżejjed.

Pajjiżna jinsab miexi b’ritmu mgħaġġel ’il quddiem. L-ekonomija u l-ġid li qed jinħolqu qed iwasslu għal bidliet fis-soċjetà tagħna u kultant għal tensjonijiet ġodda. Dawn huma sfidi ta’ pajjiż li qed joħroġ mill-fosdqa tiegħu, qed jiftaħ il-ġwienaħ biex jasal fejn qatt ma wasal qabel.

Pajjiż b’saħħtu mhux biss għax l-ekonomija hija fl-aqwa żmien tagħha, iżda għax dawn ir-rizultati qed jilħqu lil uliedna u lill-familji kollha. Il-ġid qed jinħass fost l-iktar dawk li għandhom bżonnu u huwa għalhekk li nħoss li pajjiżna qed jissaħħaħ, għaliex aħna nkejlu r-riżultati fuq kemm titjieb il-ħajja ta’ kull waħda u wieħed minnkom.

Kburi li matul din is-sena li għadha kif għaddiet, erġajtu tajtuna l-privileġġ li nservu lilkom għal-leġislatura oħra. Aħna wegħedniekom li jekk tagħtuna l-fiduċja mhux se nieqfu nofs triq u se nkomplu nsaħħu dan il-pajjiż. Il-fiduċja li tajtuna b’tant saħħa qed inrodduha lura b’iktar ħidma, b’aktar għaqal u fuq kollox li noħolqu iktar ġid u kwalità ta’ ħajja aħjar għalikom.

Bħala pajjiż din is-sena għaddejna minn mument diffiċli li lilna lkoll, li tant inħobbu lil dan il-poplu, nikkitna b’mod indeskrivibbli. Weġġgħani fuq livell uman. U rrabjani b’mod li ħassejt li pajjiżna għandu jirreaġixxi, dan wara l-qtil selvaġġ tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Il-qtil tagħha ma jiddeskrivix dak li hu pajjiżna. Anzi, ir-reazzjoni ta’ rabja u niket, u tal-bżonn li nirreaġixxu bħala stat matur li mhux lest ibaxxi rasu għall-kriminali, jikkonferma dak li nemmen fil-poplu tagħna. Poplu li jaf jagħraf bejn it-tajjeb u l-ħazin u lest li jieqaf kontra l-ftit, il-ftit ħafna, elementi ħżiena fis-soċjetà tagħna.

Irrid nirringrazzja b’mod partikolari din is-sena lin-nisa u l-irġiel tal-forzi tal-ordni tagħna. Ommijiet u missirijiet li jaħdmu bla heda u ħafna drabi mingħajr ma jingħataw ir-rikonoxximent li hemm bżonn. Anzi, agħar minn hekk, isofru żebliħ u nuqqas ta’ rispett. Lill-pulizija, lill-forzi armati, lill-protezzjoni ċivili lil kull persuna li twettaq ħidma taż-żamma tal-ordni f’pajjiżna nsellmilha u f’isem pajjiżna nirringrazzjaha.

Is-sabiħ ta’ dawn il-gżejjer jibqa’ l-mod ta’ kif nafu ningħaqdu bħala pajjiż wieħed. Forsi għax nagħtu valur kbir is-sens ta’ familja u mħabba li għandna għal dawk kollha li huma l-eqreb tagħna. Dak il-valur li jaqbeż kull rivalità. Dik hija l-imħabba lejn uliedna, is-sħab tagħna u dawk li huma qrib tagħna fejn ngħixu u naħdmu ta’ kuljum.Għalhekk nibqa’ nemmen f’pajjiżna.

Pajjiż li fiċ-ċokon tiegħu jsib il-kburija li jmexxi, meta mitlub, kif għamilna flimkien fit-tmexxija tal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea għal sitt xhur sħaħ din is-sena. Kien mument sabiħ li tisma’ l-mexxejja sħabna Ewropej ifaħħru lill-pajjiżna b’aġġettivi li ma tismax kif ġib u laħaq fuq pajjiżi oħra li jgħaddu mill-istess esperjenza. Hekk irridu nisimgħu dwar pajjiżna, tifħir mhux tmaqdir ta’ min jista’ jkun li jgħir għalina.

L-2018 se nibdewha billi nerġgħu npoġġu lil pajjiżna fiċ-ċentru tal-vetrina Ewropea u dinjija permezz tal-belt kapitali tagħna din il-ġawrha l-Belt Valletta, bħala l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura. Ix-xogħol stupend li twettaq bit-tħejjija għal dan l-avveniment huwa wieħed li għal darb’oħra jagħmilna kburin. Kburin għaliex nistgħu nuru ġojjelli bħall-post li qegħdin fih, il-Bibjoteka, il-Konkatidral tagħna, il-bereġ u l-palazzi li huma l-wirt ta’ ommijietna u missirijietna. Imma mhux biss. Kburin ukoll għax se nuru li l-kultura hija stil ta’ ħajja. Il-mod sabiħ ta’ kif ngħixu f’pajjiżna. Id-diversità tal-istili ta’ ħajja u li kif ngħixu ta’ kuljum fuq il-post tax-xogħol, fi djarna u fil-postijiet ta’ divertiment.

Ngħixu f’pajjiż sabiħ, li jaf iħobb u li jaf jgħix b’mod seren. Dan hu l-pajjiż li rridu nibqgħu nuru lil kulħadd meta nneħħu l-għamad tal-firdiet kultant pwerili li joħolqu tensjoni żejda.

Pajjiż fejn l-imħabba ma tħarisx lejn l-uċuħ. Pajjiż li jħaddem lil kulħadd għax mimli xogħol. Li għaddej minn mument sabiħ ħafna ta’ ġid u li fuq kollox dan il-ġid jasal għand kulħadd. Kif għamilna fil-baġit bla taxxi li ressaqna għas-sena li qed tibda u li l-frott tiegħu se jibda jinħass minnkom fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-kburija b’pajjiżna nħossha u ngħixha. Kburija li m’għandhiex kuluri politiċi, m’għandhiex twemmin wieħed, m’għandiex sterjotipi. Kulħadd, anke min jikkritika l-aktar minn fostna, xi kultant b’mod aħrax, iħoss fil-fond ta’ qalbu, sens kbir ta’ appartenenza lejn dan il-pajjiż aktar minn qatt qabel.

Is-sena li qed tintemm kienet is-sena tad-deċiżjonijiet, deċiżjonijiet li jmorru lil hinn dawk elettorali u li kapaċi jifirduna. Deċiżjonijiet li kienu bbażati fuq ritratt li ttieħed ta’ dan il-pajjiż. Pajjiż li llum għandu rata ta’ tkabbir ekonomiku bla preċedent, li għandu rata ta’ tkabbir tal-impjiegi li jiżboq lil sħabna Ewropej, l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja, tnaqqis fuq dawk dipendenti fuq is-servizzi soċjali, pajjiż li qed jerġa’ jaħseb fil-futur ta’ niesu. L-iktar importanti iżda fuq il-miżien kien hemm il-progress soċjali li sar u li se jkompli jsir.

Fl-aħħar żmien kien ikkonfermat ukoll li naqqasna n-nies fil-faqar bin-nofs fl-aħħar erba’ snin. Dawn huma r-riżultati li juru d-differenza li nistgħu nagħmlu fil-ħajja tan-nies.

Progress soċjali wkoll bħal ma kien iż-żwieġ indaqs. Ma nistax inneħħi minn moħħi l-ferħ li rajt f’għajnejn koppji li jagħmlu minn kollox għall-maħbubin tagħhom u li minħabba l-forzi konservattivi f’pajjiżna ma setgħux jissiġillaw imħabbithom.

Dan il-progress soċjali mhux se jieqaf hawn u matul is-sena li ġejja se nibqgħu nagħtu spinta wara l-oħra, għaliex jien flimkien ma’ sħabi qegħdin hawn biex inbiddlu. Qegħdin hawn biex dak li huwa tajjeb insaħħuh u dak li jista’ jiġi rranġat, nirranġawh. Qegħdin hawn, flimkien ma’ sħabi biex inservu lill-poplu Malti u Għawdxi kollu, mingħajr distinzjoni, mingħajr preġudizzju.

Għaldaqstant, se nagħtu l-mezzi kollha possibbli biex dawk iż-żewġ min-nies li qed iħobbu lil xulxin ikollhom iċ-ċans li jrabbu lil uliedhom stess u ma jibqgħux biss jimmaġinaw li jistgħu jżommu fi ħdanhom tarbija li jsejħulha binthom jew binhom u dan minħabba barrieri, li aħna l-politiċi jekk iridu nistgħu nirranġaw, u aħna rridu nirranġaw.

Se nkunu hawn biex noffru t-tama lil min qed isofri minn mard kiefer u ta’ qtiegħ il-qalb u ninsabu lesti li ngħinu biex jittaffew it-tbatijiet mhux tal-morda biss, iżda wkoll ta’ oħrajn qrib tagħhom dan permezz per eżempju nagħtu l-opportunità għall-preskrizzjoni tal-marijuana mediċinali bħala alternattiva.

Se nibqgħu nkunu ħajt ta’ kenn għal dawk il-familji li għaddejjin minn problemi soċjali. Se nkomplu nagħtu għajnuna lill-pensjonanti, lil dawk li qegħdin fuq il-paga minima, lil dawk li għandhom bżonn ta’ daqqa ta’ id sabiex joħorġu fid-dinja tax-xogħol u se nkomplu bis-serjetà l-problema tal-kirjiet filwaqt li nkomplu noffru housing affordabbli lil min verament għandu bżonnu.

Matul is-sena li daqt nibdew se nkunu qed inkomplu ninvestu fl-infastruttura tagħna għax dak huwa l-pass li jmiss ta’ pajjiż modern li kull sena qed ikollna wasliet tat-turisti erba’ darbiet akbar mill-popolazzjoni tagħna. 

Se nkomplu naħdmu biex insaħħu l-oqsma tal-edukazzjoni għax uliedna jixraqilhom l-aħjar biss. Insaħħu s-saħħa għaliex dan is-servizz għandu jkun dejjem tal-aqwa livell. Fuq kollox li nibqgħu nħarsu l-ambjent li ngħixu fih. 

L-2018 se tkun ukoll is-sena li fiha se nkomplu nimbuttaw ’il quddiem aktar riformi fuq suġġetti li kontroversjali kemm huma kontroversjali ma nistgħux nibqgħu nitfgħu taħt it-tapit. Aħna qegħdin hawn biex niddeċiedu.

Se nkomplu dak li bdejna fis-snin li għaddew wara li ftaħna diskussjoni u issa se nestendu d-dritt tal-vot għal kull min għandu 16-il sena.

Persważ li anke fl-2018 se nerġgħu nirbħu l-isfidi kollha li jiġu quddiemna. Għax pajjiżna mogħni b’dan il-poplu bieżel u li ma jaqta’ qalbu qatt. Huwa aħna li rridu nirringrazzjaw lilkom għax ir-riżultati li ksibna flimkien huma bis-saħħa ta’ kull waħda u wieħed minnkom li aħna flimkien nagħmlu dan il-pajjiż wieħed b’saħħtu.

Minn qalbi, f’ismi, f’isem marti Michelle, f’isem uliedna u f’isem il-Gvern kollu, awguri lil Maltin u Għawdxin kollha, awguri għal sena ġdida mimlija, saħħa, għaqda u paċi.