STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA: Presidenza Maltija: il-ġimgħa d-dieħla se jkun varat network ta’ ċentri tas-saħħa madwar l-Ewropa

Reference Number: PR170502, Press Release Issue Date: Mar 01, 2017
 
Waħda mit-temi ewlenin tal-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tas-saħħa hija l-koperazzjoni bejn l-istati membri.  Dan sabiex iċ-ċittadini Ewropej jingħataw l-aqwa servizz tas-saħħa possibbli, ikunu fejn ikunu. 

Dan qalu l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, meta kien qed jitkellem fil-ftuħ ta’ laqgħa ‘Structured Co-operation between Health Systems’, u li għaliha qed jattendu esperti tekniċi mill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Fearne saħaq fuq l-importanza li aktar ma jkun hemm għaqda bejn il-pajjiżi Ewropej fil-qasam tas-saħħa, aktar se jkun ta’ benefiċċju għall-pazjenti. “Wieħed mill-eżempji fejn il-pazjenti jistgħu jingħataw servizz aħjar hu f’dak li għandu x’jaqsam max-xiri ta’ mediċini li huma magħrufa bħala orphan drugs. Dawn il-mediċini ma jkunux immanifatturati bi kwantitajiet kbar minħabba li ma jkunux jintużaw minn numri kbar ta’ pazjenti. Minn naħa l-oħra l-manifatturi jkunu rridu jkopru l-ispiża tar-riċerka. Madanakollu, l-prezzijiet ta’ dawn il-mediċini ġodda qed ikun wieħed għoli ħafna, u hemm bżonn li fuq bażi Ewropea dan jiġi indirizzat.”

Il-Ministru Fearne qal ukoll kif il-pajjiżi jistgħu jaħdmu aktar flimkien fl-livell ta’ servizzi speċjalizzati. Pazjenti minn pajjiżi żgħar jistgħu jkunu fi żvantaġġ fejn tidħol kura speċjalizzata. Għalhekk, il-ġimgħa d-dieħla ser ikun varat il-proġett Ewropew tal-‘European Reference Networks’, sabiex pazjenti mill-Ewropa kollha jkollhom aċċess għal kura ġo ċentri speċjalizzati.

Il-Ministru tkellem ukoll dwar  l-importanza ta’ taħriġ speċjalizzat ta’ tobba Ewropej, li għandu jsir bejn pajjiż u ieħor. Fi tmiem id-diskors tiegħu, il-Ministru Fearne fakkar li dan ix-xahar Malta se tkun qed tospita wkoll il-laqgħa informali tal-Ministri tas-Saħħa Ewropej, fejn il-koperazzjoni fil-qasam tas-saħħa se tkun waħda mit-temi ewlenin fuq l-aġenda.
​​​​