STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA: Jitnieda call centre għaċ-Ċentri tas-Saħħa

Reference Number: PR170567, Press Release Issue Date: Mar 08, 2017
 
Il-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne nieda uffiċjalment call centre għaċ-Ċentri tas-Saħħa kollha.

Permezz ta’ dan il-call centre t-telefonati lejn iċ-Ċentri tas-Saħħa se jibdew ikunu ċentralizzati u l-appuntamenti kollha jistgħu jibdew isiru minn post wieħed.

“Fl-aħħar snin sar titjib konsiderevoli fiċ-Ċentri tas-Saħħa kollha, iżda waħda mill-affarijiet li konna għandna nisimgħu tgergir fuqhom kienet li nies jdumu jċemplu u ma jwieġbuhomx jew idumu biex jinqdew. Kif kienet is-sistema t-telefonati kienu jidħlu għand ir-receptionists li fost affarijiet oħra tkun trid taqdi lil min ikollha quddiemha. Issa permezz ta’ dan il-call centre, il-pazjenti tagħna se jkunu jistgħu jinqdew aħjar,” qal il-Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne.

Il-Ministru qal li dan il-call centre se jkun qiegħed jopera kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd bejn is-sebgħa ta’ filgħodu u l-ħamsa ta’ wara nofsinhar u huwa kkalkulat li se jibda jirċievi madwar elf telefonata kuljum.

Dawk kollha li jixtiequ jużaw is-servizz tal-call centre jistgħu jagħmlu dan billi jċemplu fuq 21231231. 

 
​​​​