STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DRITTIJIET TA’ PERSUNI B’DIŻABILITÀ U ANZJANITÀ ATTIVA: Iffirmat ftehim bejn il-Malta Down Syndrome Association, id-Dipartiment tal-Kura Primarja u l-Aġenzija Sapport

Reference Number: PR170613, Press Release Issue Date: Mar 13, 2017
 

Is-servizzi li jingħataw lill-adulti li għandhom id-Down Syndrome issaħħu permezz ta’ Memorandum of Understanding iffirmat mid-Dipartiment tal-Kura Primarja, mill-Malta Down Syndrome Association u mill-Aġenzija Sapport.

Permezz ta’ dan il-ftehim il-persuni b’Down Syndrome mhux biss se jkun qed isirilhom screening dwar saħħithom, iżda se jingħataw ukoll għajnuna ħolistika.

Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana qalet li hu ta’ sodisfazzjon li l-ġurnata li fiha nfakkru d-Down Syndrome, il-21 ta’ Marzu, din is-sena se tiġi mfakkra bi proġett konkret li qed jgħaqqad is-settur mediku ma’ dak soċjali. Permezz ta’ din l-inizjattiva l-Aġenzija Sapport se toffri wkoll firxa wiesgħa ta’ servizzi bil-għan li jkun hemm aktar għarfien dwar l-għajnuna u dwar is-servizzi varji li jistgħu jibbenefikaw minnhom persuni bid-Down Syndrome u l-familji tagħhom. Hi missjoni ewlenija tal-Gvern li fil-qasam tad-diżabilità jkun hemm sinerġija u kollaborazzjoni biex nimmassimizzaw il-potenzjal tar-riżorsi kollha involuti.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li permezz ta’ dan il-ftehim se nkunu qed noffru servizz aktar ħolistiku lill-persuni bid-Down Syndrome.

“Il-prevenzjoni hi aspett importanti fil-qasam tas-saħħa u aspett li rridu nisħqu aktar fuqu. Fl-aħħar snin rajna l-introduzzjoni tal-lifestyle clinics, fejn persuni jersqu lejn is-settur tas-saħħa mhux biex jieħdu kura, iżda biex jipprevjenu. L-Adult Down Syndrome Clinic jibni wkoll fuq dan il-kunċett fejn isir screening biex nipprevjenu l-mard u nilħquh fil-bidu tiegħu u issa din il-klinika se tgħin ukoll lill-klijenti fuq il-qasam soċjali u tgħin lill-persuni b’Down Syndrome biex ikollhom aċċess aħjar għas-servizzi offruti lilhom,” qal il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.​