STQARRIJA MID-DIPARTIMENT TAL-INFORMAZZJONI: Elezzjoni Ġenerali 2017 - arranġamenti għall-ivvjaġġar għal Maltin barra mill-pajjiż

Reference Number: PR171165, Press Release Issue Date: May 04, 2017
 
Qed isiru arranġamenti għall-ivvjaġġar għal votanti eliġibbli li joqogħdu barra mill-pajjiż biex ikunu jistgħu jivvutaw f’Malta fl-elezzjoni ġenerali li jmiss fit-3 ta’ Ġunju 2017.
 
Għal dan l-għan, Air Malta plc se tipprovdi biljett bir-ritorn fuq servizzi skedati regolari tagħha b’noll ta’ €90 - inklużi t-taxxi u spejjeż oħra – għal persuni li huma eliġibbli biex jivvutaw f’Malta fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Il-bookings jistgħu jsiru fil-call centre tal-Air Malta fuq in-numru speċifiku (+356) 25 99 1230. Iċ-ċentru se jkun miftuħ bejn it-Tnejn u s-Sibt mit-8:00am-09:00pm, u l-Ħadd mit-8:00am-05:00pm mill-Ħamis 4 ta’ Mejju 2017 fit-08:00 ta’ filgħodu.
 
L-ivvjaġġar lejn Malta hu possibbli mill-24 ta’ Mejju 2017 sat-3 ta’ Ġunju 2017, u r-ritorn mit-3 ta’ Ġunju, 2017 sas-7 ta’ Ġunju 2017. Dawk il-persuni li jagħżlu li jivvutaw kmieni fis-27 ta’ Mejju 2017 jistgħu jivvjaġġaw lejn Malta mis-24 sas-26 ta’ Mejju biex ikunu jistgħu japplikaw l-Uffiċċju Elettorali ​fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar sa mhux aktar tard minn 12:00pm tas-26 ta’ Mejju 2017. Huma jistgħu jivvjaġġaw lura mis-27 ta’ Mejju 2017, iżda mhux aktar tard mis-7 ta’ Ġunju 2017.
 
Dawn l-arranġamenti tal-ivvjaġġar huma disponibbli għal:
 
(a) votanti eliġibbli, inklużi dawk miżżewġa lil barranin, dawk li jistudjaw, li jaħdmu, jew li għaddejjin minn trattament mediku barra mill-pajjiż; u
 
(b) dipendenti tal-persuni msemmija f’(a) hawn fuq.
 
Dawk il-persuni li tapplika għalihom din id-direttiva huma votanti li isimhom jidher fir-Reġistru Elettorali ppubblikat fi żmien ħamest ijiem mill-pubblikazzjoni tar-Rit tal-Elezzjoni Ġenerali.