STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U PROMOZZJONI TAL-KUMMERĊ: Il-Ministru Abela jiltaqa’ mal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa Nils Muižnieks

Reference Number: PR172531, Press Release Issue Date: Nov 10, 2017
​172531
 

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela rċieva lill-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem Nils Muižnieks għal laqgħa ta’ korteżija. Il-Kummissarju Muižnieks jinsab f’Malta fuq żjara ta’ monitoraġġ rigward il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li Malta tħares bħala Stat Membru fil-Kunsill tal-Ewropa.

 

Il-Ministru Abela stqarr li Malta tikkunsidra l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa bħala qafas importanti, u għaldaqstant il-pajjiż lest biex jaħdem id f’id mal-Kunsill tal-Ewropa sabiex ikun żgurat li fis-snin li ġejjin il-Gvern Malti jkompli jagħti l-importanza meħtieġa lid-drittijiet tal-bniedem fit-twettiq tal-politika tiegħu. Bħala prova tal-progress ta’ Malta fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, il-Ministru għamel referenza għat-twettiq li Malta għamlet f’dawn l-aħħar ħames snin biex tassigura d-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ.

 

Il-Ministru Abela esprima wkoll l-apprezzament ta’ Malta għall-attenzjoni mogħtija mill-Kunsill tal-Ewropa fuq il-kriżi tal-immigrazzjoni. Il-Ministru faħħar il-politika tal-Kunsill tal-Ewropa, li filwaqt li tiżgura li l-kriżi tal-immigrazzjoni tibqa’ tkun indirizzata, id-drittijiet tal-bniedem jibqgħu meqjusa.

 

Il-Ministru Abela awgura lill-Kummissarju Muižnieks diskussjonijiet produttivi fid-diversi laqgħat tiegħu mal-awtoritajiet Maltin u mal-entitajiet li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. Fl-aħħarnett, il-Ministru assigura li f’dan il-qasam Malta se tkompli bil-ħidma tagħha favur id-drittijiet tal-bniedem kif maħsub mill-Konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa. ​​​​