STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SERVIZZI FINANZJARJI, EKONOMIJA DIĠITALI U INNOVAZZJONI

Reference Number: pr172533, Press Release Issue Date: Nov 10, 2017
 

“L-istituzzjonijiet finazjarji f’pajjiżna jikkonfermaw dak li ilna ngħidu, li pajjiżna huwa pajjiż serju u li jimxi mar-regoli tat-taxxi tiegħu” – Silvio Schembri

“L-istituzzjonijiet finanzjarji f’pajjiżna kkonfermaw illum, jekk qatt kien hemm bżonn, kemm Malta tabilħaqq huwa pajjiż serju li jimxi mar-regoli tal-OECD u l-liġijiet Ewropej f’dak li għandu x’jaqsam mas-sistema tat-taxxi tiegħu, u li mhux bl-ebda mod xi pajjiż tax haven”.

Dan stqarru s-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri b’reazzjoni għall-istqarrija konġunta li ħarġu l-ikbar istituzzjonijiet finanzjarji f’pajjiżna—l-Aġenzija Finance Malta, il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta, il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex u l-Istitut tal-Operaturi tas-Servizzi Finanzjarji f’Malta (IFSP)—li laqgħu b’mod pożittiv il-konklużjonijiet tal-Kumitat PANA.

“Irridu nilqgħu din it-turija ta’ maturità minn dawk li jiffurmaw is-servizzi finanzjarji f’pajjiżna, settur li mhux biss huwa kontributur kbir għall-ekonomija ta’ pajjiżna, iżda li miegħu hemm marbuta numru kbir ta’ impjiegi”, saħaq Silvio Schembri.

Permezz tar-rapport tiegħu l-Kumitat PANA qal li Malta tirrispetta u timxi fuq ir-regoli kollha Ewropej u dawk tal-OECD, li jfisser li pajjiżna għandu mhux biss standards għoljin f’dak li għandu x’jaqsam ma’ trasparenza, iżda li s-sistemi tagħna jaħdmu kontra prattiċi ta’ ħasil ta’ flus u frodi ta’ taxxa.

Silvio Schembri fakkar fil-kampanja qalila li saret mhux biss minn kelliema fuq bażi Ewropea li ma kinux infurmati sew fuq is-sistema tat-taxxa tagħna, u mhux biss mill-mezzi tax-xandir internazzjonali, iżda anke minn politiċi li jafu s-sistema tat-taxxa tagħna sew u għamlu biss kampanja intiża biex konxjament iħammġu lil pajjiżna.

“Jien ningħaqad mal-appell sinċier li għamlu dawn l-istituzzjonijiet sabiex kulħadd jiġbed l-istess ħabel u ma ssirx ħsara lil pajjiżna, biex il-mezzi tax-xandir lokali, il-partijiet involuti kollha, u l-politiċi jaħdmu sabiex is-setturi finanzjarji jkomplu jikbru u mhux biex nippruvaw nimminawhom”, stqarr is-Segretarju Parlamentari Schembri.

“Bħala Segretarjat se nibqgħu naħdmu sabiex nintroduċu f’pajjiżna sistemi u ideat ġodda u innovativi li se jkomplu jkabbru dan is-settur tant importanti, sistemi bħal ma huma l-blockchain, il-fintech, ir-regtech u r-regolamentazzjoni tal-cyrptocurrencies”, temm jgħid Silvio Schembri filwaqt li laqa’ pożittavment li l-viżjoni tal-Gvern ta’ aktar investiment f’aktar prattiċi innovativi hija komuni anke għal l-ikbar istituzzjonijiet finanzjarji ta’ pajjiżna.