STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI U KOMUNITAJIET - Il-gwardjan lokali se jibda jitqies ħabib taċ-ċittadin

Reference Number: PR172536, Press Release Issue Date: Nov 10, 2017
 

“Il-gwardjan lokali se jibda jitqies bħala l-ħabib taċ-ċittadin fejn dmiru jkun li jeduka u jwissi sabiex tiddaħħal kultura ta’ ubbidjenza lejn il-liġijiet.” Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis stqarr dan waqt li kien qiegħed jindirizza seminar organizzat mill-Aġenzija LESA (Local Enforcement System Agency). 

Silvio Parnis stqarr li bħalissa għaddejja ħidma li eventwalment għandha twassal għar-riforma tal-LESA; fil-fatt twaqqaf Kumitat tar-Riforma u nbeda l-proċess tar-riforma. Dan il-proċess jinkludi l-emendi legali meħtieġa u l-arranġamenti amministrattivi, loġistiċi u ta’ konsultazzjoni li għandhom iwasslu biex, bħalma ntqal fil-Budget, il-gwardjani lokali jiġu mpjegati direttament mal-LESA. Parnis qal li qed jiġu diskussi wkoll policies ġodda li se tkun qed tadotta l-LESA u qed jiġu riveduti diversi liġijiet, fosthom il-liġi tal-kunsilli lokali, il-liġi tal-LESA, u d-diversi regolamenti li jirregolaw lill-kunsilli lokali. 

Is-Segretarju Parlamentari għalaq id-diskors tiegħu billi tenna mal-ħatra tiegħu bħala Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet beda mal-ewwel ħafna xogħol preparattiv li għandu jwassal għal riforma b’saħħitha fil-LESA. Huwa appella biex kulħadd jagħti s-sehem tiegħu sabiex ir-riformi li qed isiru jkomplu jirnexxu.