STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA: Għal darba oħra, storja vvintata dwar il-qasam tas-saħħa f’‘In-Nazzjon’

Reference Number: PR180289, Press Release Issue Date: Feb 09, 2018
 

Il-gazzetta tal-Partit Nazzjonalista ‘In-Nazzjon’ għal darba oħra reġgħet ippubblikat storja kompletament ivvintata fuq il-paġna ta’ wara ta’ ‘In-Nazzjon’ tal-lum.

L-istorja ppubblikata bit-titlu ‘Chris Fearne jordna li tintbagħat ambulanza biex mara bi griżmejha juġgħuha tittieħed l-Isptar Mater Dei’, hi storja vvintata u miċħuda kategorikament mid-Deputat Prim Ministru u mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u mill-Isptar Mater Dei.

Id-Deputat Prim Ministru, fil-fatt, kategorikament jiċħad li b’xi mod intervjena biex tintbagħat ambulanza lill-pazjent.

Id-deployment tal-ambulanzi fl-Isptar Mater Dei dejjem isir skont policies stabbiliti li jagħtu prijorità medika skont il-mertu tal-każ.

Il-Ministeru għas-Saħħa jieħu din l-opportunità biex jirringrazzja lill-istaff tas-servizz tal-ambulanzi u tad-Dipartiment tal-Emerġenza għax-xogħol dedikat li jagħmlu.

Stejjer ta’ dan it-tip f’‘In-Nazzjon’ dwar il-qasam tas-saħħa - li kien hemm diversi fl-aħħar xhur u snin - huma intiżi biss biex jagħmlu ħsara u biex joħolqu pressjoni żejda fuq professjonisti u fuq ħaddiema oħrajn li jaħdmu f’dan il-qasam. L-interess tal-ħaddiema tal-Isptar hu wieħed, dak li joffru l-aħjar kura u servizz lil kull individwu li għandu bżonn mingħajr distinzjoni.  ​