STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ U DJALOGU SOĊJALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAL PERSUNI B’DIŻABILITÀ U ANZJANITÀ ATTIVA

Reference Number: PR180291, Press Release Issue Date: Feb 09, 2018
 

Imniedi l-proġett ‘INK’ b’investiment ta’ €3.3 miljun biex iħarreġ 300 persuna vulnerabbli tidħol fis-suq tax-xogħol 

Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia nedew il-proġett INK li ser iservi sabiex tkompli tissaħħah l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità fis-soċjetà u biex dawn jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Dan il-proġett ta’ €3.3 miljun huwa ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropeja permezz tal-Fond Soċjali Ewropew.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia qal li dan il-proġett huwa parti minn pjan ta’ ħidma biex nies vulnerabbli jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Huwa semma li minn dan il-proġett se jibbenefikaw 300 persuna bi bżonnijiet speċjali, 450 membru tal-familja tagħhom, kif ukoll nies li jħaddmuhom.

Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis stqarr li mhux biżżejjed li jingħata taħriġ lil persuni b’diżabilità u għalhekk, apparti taħriġ individwalizzat għal persuni b’diżabilità, dan il-proġett se jinkludi taħriġ għal persuni li jkollhom kuntatt ma’ dawn il-persuni, li jinkludu l-familjari, lil min iħaddem, u professjonisti li jaħdmu fis-settur. Anthony Agius Decelis tenna li l-aspett innovativ ta’ dan il-proġett huwa li dawk li jħaddmu ser ikollhom l-opportunità li jiġu rikonoxxuti bħala post tax-xogħol aċċessibbli wara li jsir awditjar tal-post, ibbażat fuq linji gwidi maħruġa mis-CRPD fejn ħa jgħinu u jagħtu gwida biex il-kumpaniji jkunu aktar aċċessibbli.

Dan il-proġett ser ikun qed jiġi implimentat mill-Aġenżija Sapport. Imsieħba f’dan il-proġett hemm ukoll is-CRPD bħala regolatur u l-organizzazzjoni Irlandiża KARE. Matul it-tliet snin tal-proġett huwa maħsub illi madwar 80 parteċipant imorru l-Irlanda għal visiti ta’ studju fejn jistgħu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom mal-imsieħba tal-proġett ġewwa l-Irlanda u b’hekk jiġi nkoraġġit il-peer learning. Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva stqarr li dan il-proġett se jilħaq ’il fuq minn elf persuna, inkluz 300 persuna b’diżabilità, 300 persuna li tħaddem, 300 familjari, u 150 professjonist.

Is-Segretarju Parlamentari Farrugia spjega li permezz ta’ dan il-proġett li hu ffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew ser:

  1. jinfetħu 6 ċentri, li wieħed minnhom huwa f’Għawdex, biex nies bi bżonnijiet speċjali ikunu jistgħu jingħataw aktar għajnuna;
  2. jingħata taħriġ lil nies b’diżabbiltà, lill-familji tagħhom u lil min iħaddem;
  3. ikun hemm kampanja li tinkludi programmi tat-televiżjoni u radju;
  4. jingħata rikonoxximent biex jiġu inċentivati kemm il-benefiċċjarji kif ukoll min iħaddem fuq l-involviment dirett u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol;
  5. jingħataw pakketti t’informazzjoni differenti.

Is-Segretarju Parlamentari qal li l-istrateġija tal-Gvern f’dan il-qasam hija waħda fejn kull proġett huwa ħolqa f’kullana. Huwa semma li flimkien mal-Ministru Evarist Bartolo diġà ħabbar proġetti simili bħal dak tal-VASTE, fejn aktar nies vulnerabbli qed jingħataw għajnuna biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Aaron Farrugia qal li bil-kuntrarju ta’ ħaddieħor, dan il-Gvern qiegħed jinforza l-kwota ta’ nies b’diżabbiltà fis-suq tax-xogħol, fejn min iħaddem u għandu tal-inqas 20 impjegat huwa obbligat li jkollhu 2% tal-ħaddiema tiegħu li huma nies bi bżonnijiet speċjali. “Bħala Gvern irridu naraw li dawk l-

aktar vulnerabbli jingħataw l-għajnuna neċessarja biex huma wkoll ikunu jistgħu jikkontribbwixxu fis-soċjetà”, temm jgħid Aaron Farrugia.​