STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI: Folla rekord toħnoq it-toroq ewlenin tal-Belt Valletta

Reference Number: PR180001, Press Release Issue Date: Jan 01, 2018
 
L-istennija u l-aspettattiva tan-nies għas-sena 2018 fil-Belt Valletta kienet evidenti sa minn kmieni lbieraħ filgħaxija hekk kif 85,000 huma stmati li nġabru fil-Belt Valletta biex jilqgħu l-2018.
 
Is-sena l-ġdida għandha tifsira speċjali għall-poplu Malti għax hi l-ewwel darba li l-Belt Kapitali Kulturali tal-Unjoni Ewropea se tkun il-belt kapitali Maltija, il-Belt Valletta.
 
Il-Fondazzjoni 2018 flimkien mal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u ma’ entitajiet oħrajn ħasbu għal wieħed mill-ikbar spettakli fil-Belt Valletta fl-aħħar snin. Dan kien evidenti ħafna hekk kif folol kbar ta’ nies daħlu l-Belt Valletta biex jaraw dan l-ispettaklu.
 
Dan jawgura tajjeb ħafna hekk kif fil-jiem li ġejjin, il-Belt Valletta se tippreżenta l-ftuħ uffiċjali tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura, ‘Erba’ Pjazez’, nhar is-Sibt, 20 ta Jannar 2018 fl-4 ta’ waranofsinhar.