STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA U L-IMMANIĠĠJAR TAL-ILMA: Il-Ministru Joe Mizzi jżur lill-ħaddiema tal-Enemalta li nzertaw xogħol fl-ewwel jum tas-sena 2018

Reference Number: PR180002, Press Release Issue Date: Jan 01, 2018
 
Il-Ministru Joe Mizzi ngħaqad mal-management tal-Enemalta biex iżur lill-ħaddiema fil-Marsa u f’Delimara li nzertaw xogħol fl-ewwel jum tas-sena.
 
Flimkien maċ-Chairman tal-Enemalta, l-Inġinier Fredrick Azzopardi, mal-Inġinier Jason Vella - li nħatar kap eżekuttiv tal-Enemalta u beda l-kariga tiegħu mil-lum - u ma’ uffiċjali għolja oħrajn, il-Ministru Joe Mizzi tkellem mal-ħaddiema u rringrazzjahom tax-xogħol siewi tagħhom, speċjalment f’dawn iż-żminijiet ta’ festi meta jkunu ’l bogħod mill-għeżież tagħhom.
 
Hu qal li sfortunatament mhux kulħadd jifhem u japprezza x-xogħol li jagħmlu dawn il-ħaddiema permezz tal-ħidma tagħhom fil-ġenerazzjoni u fid-distribuzzjoni tal-elettriku biex in-nies ikunu jistgħu jsaħħnu djarhom u jgħixu komdi.
 
Il-Ministru awgura lill-ħaddiema kollha sena ġdida mimlija suċċessi kemm fuq il-post tax-xogħol tagħhom kif ukoll fil-ħajja personali.