Navigate Up
Sign In

Affarijiet tal-Konsumatur

IX-XIRI
 
Drittijiet Ġenerali
 
Jeżistu liġijiet u regolamenti li jipproteġu d-drittijiet tiegħek bħala konsumatur tal-UE, u jekk il-prodotti mixtrija ma jikkonformawx mal-kuntratt tal-bejgħ, bħala konsumatur, inti intitolat għal tiswija jew bdil, jew inkella għal rifużjoni parzjali jew sħiħa.
 
Il-Marka CE
 
Il-marka CE hija simbolu estern li jindika li l-prodott immarkat jista’ jitqiegħed fis-suq Ewropew mingħajr
restrizzjonijiet nazzjonali. Permezz tal-marka CE, il-manifattur jikkonferma li l-prodott tiegħu jikkonforma mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Ewropea rilevanti. L-Att dwar is-Sigurezza tal-Prodotti teħtieġ li l-manifatturi jwaħħlu l-marka CE fuq ċertu prodotti mhux tal-ikel, bħal tagħmir elettriku b’vultaġġ baxx, ġugarelli, tagħmir protettiv personali, prodotti ta’ kostruzzjoni, makkinarju, u oħrajn. Din mhix lista eżawrjenti tal-oġġetti kollha li jeħtieġu l-Marka CE.
 
VAT
 
Fl-Unjoni Ewropea t-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, jew il-VAT, hija taxxa ġenerali fuq bażi wiesgħa fuq il-konsum, stmata fuq il-valur miżjud fuq prodotti u servizzi. Din tapplika bejn wieħed u ieħor għall-prodotti u s-servizzi kollha li jinxtraw u jinbiegħu għall-użu jew il-konsum fil-Komunità.
 
Għalhekk, il-prodotti jew servizzi esportati lejn klijenti barra mill-pajjiż mhumiex normalment suġġetti għall-VAT. L-importazzjonijiet, mill-banda l-oħra jiġu intaxxati biex is-sistema tkun ġusta għall-produtturi tal-UE sabiex ikunu jistgħu jikkompetu bl-istess kundizzjonijiet fis-suq Ewropew ma’ fornituri li jinsabu barra mill-Unjoni.
 
Allura min iħallasha l-VAT u min jista’ jieħu rifużjoni tal-VAT? Kif tiġi applikata l-VAT u x’jiġri meta prodott jinbiegħ minn pajjiż wieħed u jinxtara f’pajjiż ieħor?
 
Għandek issib it-tweġibiet kollha għall-mistoqsijiet tiegħek, u iżjed, hawn.
 
Ix-xiri f’Malta
 
Id-drittijiet tiegħek bħala konsumatur
 
Jekk qed iżżur Malta fuq btala jew għan-negozju u tixtieq tagħmel ftit tax-xiri, għandek issib din l-informazzjoni t’hawn taħt utli dwar kif għandek tiġi ttrattat bħala konsumatur.
 
In-negozjanti f’Malta huma obbligati jsegwu l-liġijiet dwar kif ibigħu l-prodotti tagħhom. Pereżempju, il-liġi tagħti lill-konsumaturi garanzija legali minima ta’ sentejn fuq il-prodotti mixtrija. Jekk bħala konsumatur inti tixtri oġġett li jkollu xi ħaġa ħażina fih, inti għandek kull dritt li tirritornah lura u l-oġġett jissewwa jew jinbidel mingħajr ħlas.
 
Bdil
 
Il-bejjiegħ mhux obbligat li jibdel il-prodotti tiegħek jekk l-oġġett li xtrajt mhux bil-ħsara jew huwa konformi mal-kuntratt tal-bejgħ.
 
Prezzijiet
 
Il-munita ta’ Malta hija l-euro (€). Il-prezzijiet għandhom jintwerew b’mod ċar fil-ħwienet u, bħala konsumatur, għandek dritt tixtri l-oġġett bil-prezz muri fuqu, li għandu jinkludi l-VAT.
 
Inti għandek tingħata rċevuta kull darba li tixtri xi ħaġa.
 
Bejgħ bis-Sale
 
Il-perjodi tas-sales f’Malta jiġu deċiżi mill-bejjiegħa bl-imnut meta jixtiequ huma.
 
Ħinijiet tal-Ftuħ
 
Bħala medja, il-ħwienet f’Malta jiftħu fid-9 ta’ filgħodu u jagħlqu fis-7 ta’ filgħaxija. Xi ħwienet jiftħu l-Ħadd u, matul il-perjodu tal-Milied, iżjed ħwienet aktarx li jiftħu l-Ħadd u fil-btajjel pubbliċi, u xi wħud saħansitra jtawlu l-ħinijiet tal-ftuħ tagħhom anke tard sal-10 ta’ billejl.
 
Għal iżjed informazzjoni dwar ix-xiri f’Malta, ikklikkja hawn.
 
Kuntratti li ma jsirux fil-post tan-negozju
 
Jekk tiffirma kuntratt mhux fil-post tan-negozju, inti tkun protett/a bir-Regolamenti dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur. Din il-liġi tkoprik fir-rigward ta’ kuntratti li jsiru:
 
·   waqt żjara mill-bejjiegħa fid-dar tal-konsumatur;
·   fuq il-post tax-xogħol tal-konsumatur;
·   waqt eskursjoni organizzata mill-bejjiegħ barra mill-post tan-negozju tiegħu
·   meta l-konsumatur jagħmel offerta kuntrattwali jew mhux kuntrattwali biex il-bejjiegħ jiġi jżuru, jew biex jieħu sehem f’eskursjoni organizzata minn negozjant.
 
Għandek perjodu ta’ riflessjoni ta’ erbatax-il jum li matulu għandek dritt tikkanċella l-kuntratt.
 
Madankollu, il-liġi ma tapplikax għal kuntratti marbuta ma’:
 
·   kostruzzjoni, bejgħ jew kiri ta’ proprjetà immobbli;
·   provvisti ta’ oġġetti tal-ikel, xorb jew oġġetti oħra maħsuba għall-konsum ta’ kuljum fid-dar, magħmula minn bejjiegħa li normalment jiġu wara l-bieb;
·   provvisti ta’ prodotti u servizzi fejn il-kuntratt isir abbażi ta’ katalogu tal-bejgħ li l-konsumatur ikun qara mhux fil-preżenza tal-bejjiegħ, fejn ikun maħsub li jkun hemm kontinwità ta’ kuntatt bejn il-partijiet fir-rigward ta’ dik it-tranżazzjoni, u fejn id-dritt tal-konsumatur li jikkanċella l-kuntratt ikun speċifikat b’mod ċar;
·   assigurazzjoni;
·   sigurtà.
 
Ir-Regolamenti dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur ma japplikawx lanqas għal kuntratti li ma jsirux fuq il-post tan-negozju fejn il-prezz totali mħallas mill-konsumatur ma jaqbiżx €30.
 
Għal iżjed informazzjoni dwar kuntratti magħmula barra mill-post tan-negozju, jekk jogħġbok ikklikkja hawn.
 
Vaganzi
 
Meta tixtri pakkett tal-ivvjaġġar, il-Liġi Ewropea tipprovdilek il-protezzjoni.
 
Huwa importanti li tkun taf li l-operatur tal-ivvjaġġar huwa obbligat li, b’mod ċar, jipprovdi din l-informazzjoni li ġejja fil-fuljett:
 
·   Il-prezz;
·   Kull taxxa jew ħlas obbligatorju;
·   Id-destinazzjoni, l-itinerarju u l-mezz tat-trasport li se jintuża;
·   It-tip ta’ akkomodazzjoni;
·   Il-programm tal-ikel;
·   Ir-rekwiżiti ta’ passaporti u viżi;
·   Il-formalitajiet tas-saħħa;
·   L-iskeda tal-ħlas;
·   Sa meta għandu l-konsumatur jiġi infurmat f’każ ta’ kanċellazzjoni.
 
Għal definizzjoni dettaljata ta’ x’jitqies bħala pakkett tal-ivvjaġġar u għal iżjed dettalji dwar id-drittijiet tiegħek, jekk jogħġbok ikklikkja hawn.
 
Timeshare
 
Fil-qosor, kuntratt ta’ timeshare huwa wieħed li jagħtik id-dritt li toqgħod fi proprjetà għal perjodu ta’ żmien speċifikat jew limitat. It-timeshare normalment jinvolvi arranġament bejn il-proprjetarji u l-konsumaturi biex jakkwistaw id-dritt li jilloġġjaw għal numru ta’ ljieli f’perjodu wieħed jew aktar.
 
Inti tkun protett bil-liġi b’referenza speċifika għal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 409.02 – Regolamenti dwar il-protezzjoni ta’ xerrejja f’kuntratti ta’ timesharing fi proprjetà immobbli, mhux biss jekk tixtri l-proprjetà bit-timeshare iżda anke jekk tixtri prodotti li jixbhu t-timeshare. Dan ifisser, pereżempju, li klabbs ta’ vaganzi bi skont kif ukoll il-bejgħ mill-ġdid u l-iskambju huma mħarsa bil-liġi jekk il-perjodu stipulat fil-kuntratt ikun ta’ iżjed minn sena. 
Kwalunkwe kuntratt ieħor li jkun għal inqas minn sena ma jaqax taħt il-leġiżlazzjoni msemmija hawn fuq.

Kuntratti Inġusti
 
Meta tixtri prodotti jew servizzi huwa importanti ħafna li qabel tiffirma taqra bir-reqqa l-pattijiet kollha (termini, kundizzjonijiet u klawżoli), inklużi dawk stampati b’tipa żgħira.
 
Patt tal-kuntratt jitqies inġust jekk waħdu, jew flimkien ma’ pattijiet oħra, joħloq żbilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti għad-detriment tal-konsumatur.
L-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur jipprovdi lista mhux eżawrjenti ta’ dawn il-pattijiet. Xi wħud minnhom jinkludu: perjodu ta’ żmien qasir wisq li fih jista’ jiġi nnotifikat in-negozjant dwar xi difetti; u l-irbit irrevokabbli tal-konsumatur b’pattijiet li l-konsumatur stess ma jkollux verament l-opportunità li jixtarr u jifhem qabel jikkonkludi l-kuntratt.
 
Tista’ ssib iżjed dettalji dwar il-kuntratti inġusti billi tikklikkja hawn.
 
Garanziji
 
Bħala konsumaturi, huwa fl-interess tagħna li nitolbu garanzija kummerċjali qabel nixtru ċerti tipi ta’ prodotti. Din il-garanzija għandha tingħatalna bil-miktub u f’lingwa li tinftiehem b’mod faċli.
 
Huwa importanti li l-garanzija kummerċjali tinkludi l-isem u l-indirizz tal-persuna jew il-kumpanija li qed toffri l-garanzija, il-persuna responsabbli għal dik il-garanzija, id-data sa meta l-garanzija tkun valida, kif issir talba mill-konsumaturi, deskrizzjoni ċara ta’ xi tkopri l-garanzija, kif ukoll jekk il-garanzija tistax tiġi ttrasferita lil xi ħaddieħor.
 
Il-garanzija legali tipproteġik meta tkun xtrajt xi ħaġa li jkollha d-difetti jew ma tkunx tikkonforma mal-kuntratt tal-bejgħ.
 
Meta l-prodott mixtri ma jkunx kif miftiehem waqt il-bejgħ, il-bejjiegħ għandu jirrimedja billi jsewwilek, jibdillek jew jagħtik flusek lura.
 
Jekk in-negozjant ma jirrispettax il-liġi, inti tista’ tressaq ilment fl-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur biex issir investigazzjoni u eventwalment medjazzjoni bl-għan li tinstab soluzzjoni amikevoli.
 
Jekk ma jintlaħaqx ftehim, il-pass li jmiss ikun li tressaq il-każ quddiem it-Tribunal dwar it-Talbiet tal-Konsumatur jekk it-talba ma teċċedix €3,500.
 
Tista’ ssib id-dettalji kollha dwar il-liġijiet li jipproteġuk meta tixtri l-prodotti hawn.
 
Prodotti Difettużi
 
Xi kultant id-difett fil-prodott ma jkunx jista’ jiġi attribwit direttament għall-produttur. Dan japplika għal, pereżempju, prodotti li jkollhom partijiet magħmula minn produtturi differenti. Prodott difettuż jista’ jwassal biex xi ħadd iweġġa’ imma, billi l-prodott ikun sar minn nies differenti, mhux faċli ssir taf min hu responsabbli.
 
Jekk inti xtrajt prodott difettuż tista’ tkun intitolat għall-kumpens. Kun af aktar hawn.
 
Prattiki Kummerċjali Inġusti
 
Jekk reklam jirnexxilu jqarraq bik billi jippreżenta prezz ħażin jew informazzjoni żbaljata dwar kif jaħdem il-prodott, tista’ tkun sfajt vittma ta’ prattika kummerċjali inġusta. Kontra prattiki bħal dawn il-liġi tal-UE tista’ tipproteġik. Eżempji oħra ta’ prattiki kummerċjali inġusti huma meta tingħata informazzjoni ambigwa dwar il-marki kummerċjali, iwegħduk li xi prodott jista’ jfejjaq xi mard meta fil-fatt ma jistax jew meta jġegħluk tħallas għal xi ħaġa li ma tkunx ordnajt.
 
Tista’ ssib l-informazzjoni kollha li jeħtieġ tkun taf dwar il-prattiki kummerċjali inġusti hawn.
 
Kuntratti Li Jsiru Mill-Bogħod
 
Il-liġi tal-UE tipproteġik fir-rigward ta’ kuntratti magħmula mingħajr ma tkun preżenti fiżikament, pereżempju, permezz tal-posta elettronika jew it-telefown.
 
Jeħtieġ li tkun konxju li ċertu kuntratti mhumiex koperti b’din il-liġi. Dawn huma:
- kuntratti relatati mas-servizzi finanzjarji;
- kuntratti konklużi permezz ta’ distributuri awtomatiċi;
- kuntratti konklużi mal-operaturi permezz tal-użu ta’ telefowns pubbliċi;
- kuntratti relatati ma’ proprjetà immobbli, minbarra ta’ kiri; u
- kuntratti konklużi f’irkant.
 
Kuntrarjament għax-xiri fil-ħwienet, meta tixtri prodotti online, inti għandek id-dritt li tirritorna l-prodotti mingħajr ma tagħti raġunijiet u mingħajr ma jkollok tħallas għalihom.
 
Għal iżjed dettalji dwar il-kuntratti li jsiru mill-bogħod, jekk jogħġbok ikklikkja hawn.
 
Wiri ta’ Prezzijiet
 
Is-sidien tal-ħwienet u n-negozjanti huma obbligati bil-liġi li juru l-prezz tal-prodotti li qed ibigħu sabiex jagħmluha faċli għax-xerrejja biex iqabblu l-prezzijiet. Il-prezzijiet għandhom jintwerew b’mod ċar u m’għandhomx ikunu vagi jew li jfixklu.
 
Fil-każ ta’ ikel mibjugħ bil-piż jew bil-volum għandhom jintwerew kemm il-prezz tal-prodott kif ukoll il-prezz ta’ kull unità (jiġifieri kull kg, litru, metru jew metru kubu).
 
Kun af aktar dwar kif għandhom jintwerew il-prezzijiet hawn.
 
Aqra l-liġi ta’ Malta għar-Regolamenti dwar Prezzijiet Indikati hawn.
 
Kreditu lill-Konsumatur
 
Il-liġi tal-UE tipproteġi lill-konsumaturi billi tassigura li huma jingħataw l-informazzjoni kollha li jeħtieġu qabel jiffirmaw kuntratt marbut ma’ self ta’ flus. Il-liġi tipproteġi wkoll lill-konsumaturi billi tippermettilhom li jikkanċellaw kuntratt fi żmien 14-il ġurnata mill-iffirmar tiegħu, li jħallsu lura s-self qabel iż-żmien stipulat u li jirtiraw mill-kuntratt jekk ix-xiri marbut miegħu jiġi kkanċellat.
 
Tista’ ssib iżjed informazzjoni hawn.
 
Tista’ taqra r-Regolamenti kollha dwar Kreditu lill-Konsumatur hawn.
 
Kummerċ Elettroniku
 
Meta tixtri xi ħaġa online, ir-Regolamenti dwar il-Bejgħ mill-Bogħod jobbligaw lill-bejjiegħa jipprovdu l-informazzjoni dwar il-kuntratt, bħalma huma arranġamenti ta’ ħlas, kunsinna, obbligi u dritt tal-irtirar.
 
Għal iżjed dettalji dwar ir-Regolamenti dwar il-Bejgħ mill-Bogħod u l-liġi dwar il-Kummerċ Elettroniku, ikklikkja hawn.
 
Drittijiet tal-Passiġġieri bl-Ajru
 
Minkejja l-ippjanar metikoluż ta’ xi vjaġġ barra mill-pajjiż, kemm jekk fuq xogħol u kemm jekk bħala vaganza, xorta jistgħu jinqalgħu intoppi fl-ivvjaġġar bl-ajru. L-ittardjar u l-kanċellazzjoni tat-titjiriet mil-linji tal-ajru u t-telf jew il-ħsara fil-bagalji huma mhuma pjaċevoli xejn iżda kultant jiġru.
 
Il-passiġġieri tal-ajru huma mħarsa f’każ li l-affarijiet imorru ħażin. Jekk, pereżempju, it-titjira tiegħek tittardja b’iżjed minn sagħtejn jew tiġi kkanċellata, inti għandek tingħata avviż bil-miktub li jistabbilixxi r-regoli tal-għajnuna li għandek tingħata. Jekk it-titjira tiegħek tittardja b’iżjed minn sagħtejn għandek dritt għal ċertu ammont ta’ servizz u assistenza bla ħlas bħal ikel, telefonati, akkomodazzjoni f’lukanda u trasport b’xejn.
 
Għandek dritt ukoll għall-kumpens jekk it-titjira tiegħek tkun ikkanċellata jew ibbukkjata żżejjed u titħalla l-art.
 
Jekk ma titħalliex taqbad it-titjira li inti xtrajt mingħand operatur tal-vjaġġi bħala parti minn pakkett tal-ivvjaġġar li jkun jinkludi t-titjira u l-akkomodazzjoni, il-linja tal-ajru hija obbligata li tikkumpensa lill-operatur li kkonkluda l- kuntratt miegħek.
 
Jeżistu regoli u regolamenti li jkopru t-telf, il-ħsara u d-dewmien li jkun hemm fil-bagalji, l-assistenza b’xejn fl-ajruporti tal-UE u l-assistenza abbord.
 
Għal informazzjoni dettaljata dwar dawn kollha, jekk jogħġbok ikklikkja hawn.
 
Tista’ taqra r-Regolamenti kollha dwar rifjut ta’ imbark hawn.
 
L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur hija l-Korp Nazzjonali għall-Infurzar responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi f’Malta. Tista’ tagħmel kuntatt mal-MCCAA permezz tal-posta elettronika: airpassengerrights.ccd@gov.mt. Għal iżjed informazzjoni żur il-websajt tagħhom hawn.
 
Roaming
 
Sabiex tevita li l-kontijiet tat-telefown jisparaw ’il fuq meta tagħmel telefonati waqt li tkun imsiefer, it-telefown tiegħek awtomatikament jaqleb fuq netwerk lokali tal-pajjiż li tkun fih. Inti xorta tkun tista’ tagħżel il-fornitur tas-servizz b’mod manwali u taqleb fuq netwerk lokali tal-għażla tiegħek f’dak il-pajjiż partikolari.
 
Għalhekk, is-servizzi mobbli, bħal meta ċċempel jew tirċievi telefonati, tibgħat jew tirċievi messaġġi sms jew tniżżel id-dejta joperawhom in-netwerks ta’ dak il-pajjiż partikolari, għaliex il-fornitur domestiku tiegħek jopera biss f’pajjiżek. Sabiex jipprovdi dan is-servizz, l-operatur tan-netwerk barrani jgħaddi t-tariffi fuq l-operatur domestiku, li min-naħa tiegħu jgħaddi dawn it-tariffi lilek bħala l-konsumatur.
 
Għal iżjed informazzjoni rigward is-servizzi mobbli waqt l-ivvjaġġar f’pajjiż tal-UE, inklużi t-Tariffi tar-Roaming u d-drittijiet relevanti, jekk jogħġbok ikklikkja hawn.
 
Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ferroviji
 
Għandek dritt għall-kumpens jekk il-ferrovija tiegħek tiġi kkanċellata, anke fil-każ ta’ inċident ferrovjarju. Il-liġi tal-UE li tkopri d-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferroviji tobbliga lill-operaturi ferrovjarji biex jinfurmaw lill-passiġġieri bid-drittijiet u l-obbligi tagħhom u biex jistabbilixxu wkoll bord għall-ilmenti.
 
Għal iżjed informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħek bħala passiġġier tal-ferroviji, jekk jogħġbok ikklikkja hawn.
 
L-AWTORITÀ TA’ MALTA GĦALL-KOMPETIZZJONI U GĦALL-AFFARIJIET TAL-KONSUMATUR (MCCAA)
 
L-MCCAA hija organizzazzjoni li tgħin biex tipproteġi d-drittijiet tal-konsumaturi. Hija magħmula minn erba’ entitajiet: L-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni, Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur, L-Istitut tal-Metroloġija u Standards, u d-Diviżjoni tar-Regolamenti Tekniċi.
 
L-MCCAA tippubblika diversi pubblikazzjonijiet utli relatati, pereżempju, mal-Liġi tal-UE dwar il-Kompetizzjoni u r-rilevanza tagħha għal Malta, kif ukoll għadd ta’ fuljetti kemm bl-Ingliż kif ukoll bil-Malti dwar id-drittijiet tal-konsumatur, kif għandhom jintwerew il-prezzijiet fil-ħwienet u x’inhuma d-drittijiet tiegħek bħala passiġġier tal-ajru.
 
Għal iżjed informazzjoni dwar l-MCCAA, ikklikkja hawn.
 
U għal-lista tal-pubblikazzjonijiet tagħhom, ikklikkja hawn.
 
Tiswija
 
Meta tixtri prodott u jitħassar fiż-żmien li l-garanzija tkun għada valida, għandek dritt għal tiswija b’xejn, bdil, jew rifużjoni.
 
Fil-każ tat-tiswijiet, il-kummerċjant huwa mistenni li jsewwi l-prodott kemm jista’ jkun malajr, mingħajr ma joħloq wisq inkonvenjenza lill-klijent.
 
Jekk il-prodott ma jkunx jista’ jissewwa jew jekk il-kummerċjant ma jirnexxilux isewwi l-prodott fi żmien raġonevoli jew jekk il-kummerċjant ikun jista’ jsewwi biss billi jagħti battikata kbira lill-konsumatur, allura l-konsumatur jista’ jitlob li l-prodott jinbidel. Jekk ma jkunx possibbli li jinbidel jew anke l-bdil jikkawża inkonvenjenza, f’dak il-każ il-konsumatur jista’ jitlob tnaqqis fil-prezz jew it-tħassir tal-kuntratt .
 
Għal iżjed dettalji dwar it-tiswija, jekk jogħġbok ikkonsulta L-Att dwar il-Ħarsien tal-Konsumatur.
 
Prosafe
 
L-akronimu “Prosafe” jirrappreżenta l-Forum Ewropew għall-Infurzar tas-Sikurezza tal-Prodotti. Din l-organizzazzjoni tiffoka fuq l-iżgurar tas-sikurezza tal-prodotti għall-konsumaturi Ewropej. Il-membri tal-organizzazzjoni jittestjaw, jieħdu kampjuni u meta jkun meħtieġ ineħħu l-prodotti perikolużi mis-suq Ewropew. Malta wkoll hija membru ta’ din l-organizzazzjoni u tagħti sehemha għall-protezzjoni tal-konsumaturi fl-UE.
Għal iżjed informazzjoni dwar Prosafe, ikklikkja hawn.
 
Liġijiet u regolamenti
 
Kuntratti barra mill-post tan-negozju

Ilkoll kemm aħna, xi darba jew oħra, sibna xi bejjiegħ wara l-bieb tad-dar joffrilna pożati tal-fidda, prodotti tas-sbuħija, kotba, karta iġjenika, assigurazzjoni, pakketti ta’ vvjaġġar jew mitt ħaġa oħra.
 
Xi kultant inkunu interessati fil-prodott tagħhom u xi kultant le. Huwa importanti li tkun taf li bil-liġi l-persuna li qed tipprova tbegħlek wara biebek għandha titlaq jekk inti titlobha biex tagħmel hekk, u jkun reat jekk ma titlaqx. Hemm ukoll multi għal dan .
 
Bħala xhieda li l-bejjiegħ/a jkunu liċenzjati, għandhom juru isimhom  b’isimhom u l-istatus legali tagħhom, u jekk ikunux qed jirrappreżentaw xi kumpanija jew jaħdmux għal rashom, flimkien mad-dettalji tal-kumpanija li qed jirrappreżentaw.
 
Bħal fil-każ ta’ kull bejgħ ieħor, il-bejjiegħ għandu joffri kuntratt u jirrispetta r-regoli tal-kuntratt fir-rigward ta’ rifużjonijiet, tiswijiet u/jew bdil ta’ prodott. Il-persuna li qed tbigħ hija obbligata wkoll li tinfurmak dwar il-prezz tal-prodott jew is-servizz offrut, u għandha tipprovdilek wkoll deskrizzjoni dettaljata tal-prodotti jew servizzi. Il-konsumaturi għandhom ukoll ikunu infurmati dwar id-dritt tagħhom li jikkanċellaw il-bejgħ.
 
Id-dettalji kollha dwar il-kuntratti barra mill-post tan-negozju jinsabu fir-Regolamenti tal-2013 dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur.
 
Deskrizzjonijiet Kummerċjali
 
Il-produtturi għandhom jiddeskrivu l-prodott li qed ibigħu b’mod onest permezz ta’ Deskrizzjoni Kummerċjali li,
skond in-natura tal-prodott, tkun turi:
 
·         Il-kwantità, d-daqs jew il-gejġ;
·         Il-metodu tal-manifattura, il-produzzjoni, l-ipproċessar jew ir-rikondizzjonar;
·         il-kompożizzjoni;
·         il-qadi tal-fini tagħhom, is-saħħa, il-prestazzjoni, l-imġiba jew il-preċiżjoni;
·         kull karatteristika fiżika mhux inkluża fil-paragrafi preċedenti;
·         l-ittestjar kollu li jkun sar u r-riżultati tiegħu;
·         l-approvazzjonijiet kollha jew il-konformità ma’ tip approvat minn xi entità tal-approvazzjoni;
·         marka ta’ konformità ma’ standard applikabbli għall-prodott partikolari;
·         il-post jew id-data tal-manifattura, il-produzzjoni, l-ipproċessar jew ir-rikondizzjonar;
·         l-entità li ħadet ħsieb il-manifattura, il-produzzjoni, l-ipproċessar jew ir-rikondizzjonar;
·         l-istorja tal-prodott, inklużi s-sidien preċedenti jew l-użu preċedenti;
·         il-garanzija rigward it-tiswijiet jew il-bdil;
·         id-data ta’ skadenza jew iż-żmien tal-ħżin.
 
Kummerċjant li bi kwalunkwe mod jiżgwida lill-konsumatur billi, pereżempju, jagħti deskrizzjoni falza tal-prodott jew jirreklama informazzjoni falza dwar il-prodott, ikun qed iwettaq reat u jista’ jitressaq il-qorti.
 
 
Ix-xiri Online
 
Kważi m’hemm xejn isbaħ mill-kumdità assoluta li toqgħod bilqiegħda fis-sħana tas-sodda tiegħek, fil-piġama komda tiegħek, u tixtri. Kemm jekk huma ħwejjeġ, kif ukoll apparati, prodotti tal-merċa, apparat domestiku, kożmetiċi jew logħob tal-kompjuter, l-internet m’għandux limiti u tista’ tixtri virtwalment kollox online u jwasslulek kollox eżatt wara l-bieb.
Għalkemm huwa perfettament sikur li tixtri online, huwa importanti li tkun konxju li mhux il-websajts jew il-kummerċjanti kollha huma affidabbli. Hawn taħt hawn xi ftit għajnuniet ċari u faċli biex issegwihom dwar kif tixtri online b’mod sikur.
 
INFORMAZZJONI QABEL TIXTRI
 
Websajt
 
Huwa faċli ħafna li tiġi mqarraq meta tkun qed tħallas online. Imma jekk tkun taf x’għandek iżżomm f’moħħok, tista’ tevita li tiġi ingannat jew li tagħmel l-iżbalji.
 
Qabel tħallas online, dejjem assigura li taf din l-informazzjoni li ġejja:
 
·   l-isem tal-kummerċjant;
·   l-indirizz u l-pajjiż li fih il-kummerċjant huwa stabbilit;
·   id-dettalji tal-kummerċjant, inkluż l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu, li jippermettu kuntatt immedjat u komunikazzjoni b’mod dirett u effettiv;
·   fejn il-kummerċjant huwa rreġistrat f’reġistru kummerċjali jew reġistru pubbliku simili, ir-reġistru kummerċjali li fih ikun imniżżel il-kummerċjant u l-mezz ta’ identifikazzjoni f’dak ir-reġistru, bħan-numru ta’ reġistrazzjoni tiegħu;
·   fejn l-attività tkun soġġetta għal skema ta’ awtorizzazzjoni, id-dettalji tal-awtorità rilevanti ta’ sorveljanza.
 
Kun żgur ukoll li tirċievi konferma permezz tal-posta elettronika wara li inti tkun għamilt l-ordni.
 
Meta tixtri online għandek perjodu ta’ erbatax-il ġurnata biex terġa’ taħsibha mid-data tal-kunsinna. Il-perjodu ta’ żmien biex wieħed jerġa’ jaħsibha jista’ jiġi estiż għal 12-il xahar jekk il-kummerċjant jonqos li jipprovdik b’xi informazzjoni obbligatorja bażika bħad-dettalji tal-kuntatt tiegħu, il-prezz tal-prodott offrut għall-bejgħ, jew jonqos li jinfurmak dwar id-dritt tiegħek li tikkanċella l-bejgħ.
 
Hija idea tajba li inti tispezzjona l-prodotti eżatt malli tirċevihom, u tirrapporta kwalunkwe ħsara jew nuqqas immedjatament lill-kummerċjant tas-sit. Il-kummerċjant tas-sit huwa obbligat li jsolvi l-problema mingħajr spejjeż addizzjonali.
 
Għal iżjed informazzjoni dwar websajts affidabbli, jekk jogħġbok ikklikkja hawn.
 
 
Ħlas Online
 
Qabel ma tagħmel l-ordni u tuża l-karta tal-kreditu tiegħek, iċċekkja li l-websajt hija sigura.
 
Tista’ tiċċekkja jekk il-konnessjoni hijiex sigura billi tinnota l-indirizz tal-websajt tal-bejjiegħ. Dan għandu jinbidel minn “http” għal “https” qabel ma tħallas jekk il-konnessjoni tkun sigura. Barra minn hekk, is-simbolu ta’ sigurtà għandu jidher fuq il-lemin t’isfel tal-paġna elettronika.
 
Tiżvelax aktar informazzjoni dwarek innifsek milli jkun hemm bżonn. Pereżempju, meta timla formola online, agħti biss l-informazzjoni meħtieġa u tagħtix informazzjoni addizzjonali li mhix obbligatorja. Evita wkoll li tħallas permezz ta’ trasferimenti ta’ flus għaliex dawn huma diffiċli biex jiġu intraċċati fil-każ li jinqalgħu l-problemi.
 
Wara li inti tagħmel l-ordni huwa importanti li tiċċekkja r-rendikont tal-karta tal-kreditu tiegħek sabiex tiżgura li jkun inġibed l-ammont korrett. Huwa wkoll rakkomandabbli li qatt ma tagħti l-usernames, il-passwords jew informazzjoni kunfidenzjali oħra bħalma huma d-dettalji tal-karta tal-kreditu permezz tal-posta elettronika.
 
Avża lill-bank tiegħek immedjatament jekk tinnota jew tissuspetta kwalunkwe mġiba ta’ frodi jew qerq.
 
Għal iżjed informazzjoni dwar il-Ħlas Online, ikklikkja hawn.
 
Skemi ta’ Negozju Qarrieqa (Scams)
 
Sfortunatament, l-Internet qed jisfa mgħarraq bi scams. Ġeneralment, jekk xi ħaġa hija tajba wisq biex titwemmen, il-probabbiltà hi li ma tkunx ġenwina.
 
Hemm diversi forom ta’ scams, bħal lotteriji jew tlugħ bix-xorti. Dawn li ġejjin huma xi sinjali li għandek toqgħod attent/a għalihom:
 
·         jinnotifikawk li rbaħt lotterija jew premju mingħajr ma tkun ħadt sehem fl-ebda lotterija jew kompetizzjoni;
·         tintalab il-flus biex tirtira xi premju;
·         tintalab tagħti numri tal-kontijiet bankarji, passwords jew informazzjoni kunfidenzjali oħra permezz tal-posta elettronika;
·         iħeġġuk tagħti risposta immedjata għal xi komunikazzjoni mhux mitluba minnek, jew jimponulek skadenza sa meta trid tikklejmja l-premju tiegħek;
·         tintalab li ma titkellem ma’ ħadd dwar l-offerta.
 
Għal iżjed informazzjoni dwar scams, ikklikkja hawn.
 
 
Logħob
 
Ħafna nies madwar l-UE jieħdu gost bil-logħob, kemm jekk huwa l-logħob ta’ każinò kif ukoll imħatri sportivi, u
jilagħbu b’mod responsabbli u purament għall-finijiet ta’ divertiment biss. Qabel ma wieħed jilgħab logħob tal-azzard online, huwa importanti li jaqra u jifhem il-pattijiet u l-kundizzjonijiet li jkun aċċetta mar-reġistrazzjoni, inkluż kwalunkwe patti promozzjonali li jistgħu japplikaw flimkien ma’ kwalunkwe regola speċifika tal-logħob. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli għall-pubbliku l-ħin kollu fuq is-sit.
 
Pereżempju, is-sit għandu jkun fih:
 
·         informazzjoni dwar il-pattijiet u kundizzjonijiet u/jew kodiċi ta’ kondotta, relatati mal-operazzjoni tal-logħob;
·         twissijiet dwar ir-riskji tal-logħob, kif ukoll informazzjoni dwar logħob li jkun sar vizzju;
·         links għal aġenziji li jistgħu jipprovdu parir u/jew assistenza dwar logħob tal-azzard responsabbli;
·         links għal proċess aċċettat u sempliċi ta’ assessjar li tagħmlu inti stess għalik innifsek biex tiddetermina l-potenzjal tar-riskju;
·         lista ta’ miżuri ta’ protezzjoni għal min ikun qed jilgħab li jkunu disponibbli u aċċessibbli fuq is-sit;
·         dettalji tal-policy tas-sit dwar il-logħob tal-azzard;
·         metodu faċli għal min ikun qed jilgħab sabiex ikun jista’ jressaq l-ilmenti.
 
Inti għandek titħalla tiffissa l-limitu tad-depożitu u l-limitu tat-telf tiegħek stess.
 
Waqt li tkun qed tilgħab il-logħob tal-azzard, għandek tkun kapaċi tibqa’ f’kuntatt mar-realtà: fuq l-iskrin għandu jkun hemm arloġġ li jkun jidher b’mod ċar, u d-denominazzjoni tal-kreditu li jkollok għandha tintwera b’mod ċar fuq l-iskrin tal-logħob.
 
Għal iżjed informazzjoni dwar il-Logħob Online, ikklikkja hawn
 
Ir-Ritorn ta’ Prodotti mhux mixtieqa Mixtrija Online
 
Qatt xtrajt xi libsa online u meta tirċeviha tinduna li d-daqs mhuwiex tajjeb jew il-kulur mhux bħal dak li deher fuq l-iskrin? Jew forsi l-bagalja li xtrajt hija wisq tqila għal dak li kellek f’moħħok?
 
Kont taf li fil-fatt huwa iżjed faċli li tirritorna l-prodotti mixtrija online milli dawk mixtrija f’ħanut?
 
Filwaqt li l-prodotti mixtrija f’ħanut jistgħu jiġu rritornati, imsewwija jew sostitwiti biss għal numru ta’ raġunijiet speċifiċi (jekk ikunu mkissra, jew bil-ħsara, pereżempju), is-sistema tax-xiri online hija ferm iżjed faċli u l-biċċa l-kbira tal-prodotti u s-servizzi online jistgħu jiġu rritornati jew ikkanċellati, mingħajr l-ebda mistoqsijiet.
 
Madankollu, wieħed għandu jinnota li hemm xi oġġetti li ma jistgħux jiġu rritornati, bħal prodotti personalizzati, reġistrazzjonijiet tal-vidjow jew tal-awdjo mhux issiġillati, jew softwer tal-kompjuter, prodotti li jistgħu jmorru (bħal ikel u fjuri friski), u servizzi użati mill-konsumaturi qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ riflessjoni.
 
Huwa importanti wkoll li nkunu konxji li meta nixtru prodotti online nkunu intitolati għall-istess drittijiet legali bħal meta nkunu qed nixtru mill-ħwienet.
 
Għal iżjed informazzjoni dwar ir-ritorn ta’ Prodotti mhux mixtieqa Mixtrija Online , aqra dan l-artikolu.
 
X’għandek tagħmel meta l-Affarijiet imorru Ħażin
 
X’jiġri jekk tordna karozza online u ċ-ċavetta żejda li kellek tirċievi qatt ma tasal?
 
Jew iżjed agħar, il-websajt tal-bejjiegħ tiegħek tisparixxi u ma jkollok l-ebda mod biex tagħmel kuntatt miegħu jew magħha?
 
Jew forsi l-karozza li tkun krejt meta tkun barra mill-pajjiż qed taqa’ biċċiet u s-servizz tal-kiri jirrifjuta li jgħinek?
 
Jekk issib ruħek fl-inkwiet bħala konsumatur, il-European Consumer Centre of Malta (ECC Malta) qiegħed hemm biex jgħinek. L-ECC Malta qiegħed hemm biex jinforma, jagħti pariri u jgħin lill-konsumaturi b’rabta mal-kummerċ transkonfinali mal-UE.
 
Inti tista’ tfittex l-għajnuna wkoll online permezz tal-ECC-Net. Din il-websajt tista’ tgħinek b’dawn il-modi li ġejjin:
 
• tagħtik pariri dwar id-drittijiet tal-konsumatur tiegħek meta tixtri jew tivvjaġġa fl-UE, in-Norveġja jew l-Iżlanda;
• tagħtik għajnuniet prattiċi għall-konsumatur qabel tixtri jew tibbukkja, li jgħinuk tiffranka l-flus u tevita l-problemi;
• tgħinek tikkuntattja lill-kummerċjant meta jkollok problema biex issib soluzzjoni għall-ilment tiegħek;
• tinfurmak dwar modi alternattivi kif tista’ tittratta l-ilment tiegħek jekk ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni amikevoli.
 
Għal iżjed informazzjoni, ikklikkja hawn biex taċċessa numru ta’ fuljetti utli online dwar l-għajnuna għall-klijenti fl-UE.
 
Trattament Inġust
 
Jekk ikollok trattament inġust permezz ta’ qerq, frodi, informazzjoni żbaljata jew oħrajn, id-Direttorat għall-Infurzar fl-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur qiegħed hemm biex jgħin u jiddefendi d-drittijiet tiegħek bħala konsumatur.
 
Id-Direttorat għall-Infurzar jiffoka fuq l-infurzar tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur. Dan id-Direttorat jinvestiga prattiki kummerċjali inġusti u patti inġusti f’kuntratti u jieħu l-miżuri meħtieġa għat-tmiem u l-prevenzjoni ta’ dawn il-prattiki li jistgħu jkunu ta’ detriment għall-interessi tal-konsumaturi. Barra minn hekk, id-Direttorat jiżgura t-trasparenza fil-prezzijiet u l-konformità ma’ rekwiżiti oħra relatati mal-informazzjoni u jissorvelja prattiki kummerċjali li għandhom x’jaqsmu mal-provvista ta’ prodotti u servizzi lill-konsumaturi. Għal iżjed informazzjoni dwar id-Direttorat għall-Infurzar, ikklikkja hawn.
 
 
​​​​​