Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr2635

PR 2635

30/11/2012

 

IL-CORE GROUP TAL-MEUSAC JIDDISKUTI L-AĠENDA GĦALL-KONSUMATURI EWROPEJ

Fil-laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC, li saret illum, ġiet diskussa “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea fuq l-Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej – Spinta lill-fiduċja u lit-tkabbir”. 
 
Fil-preżentazzjoni dwar l-Aġenda, Dott. Andreina Fenech Farrugia, Direttur għall-Infurzar fi ħdan l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), qalet li ftit iktar minn nofs il-Prodott Domestiku Gross tal-Unjoni Ewropea (UE) ġej mill-infiq tal-konsumaturi u dan juri s-saħħa enormi li għandu l-konsumatur biex iġib ’il quddiem l-ekonomija Ewropea.  Żiedet tgħid li l-politika Ewropea dwar il-konsumatur, maħsuba biex tpoġġi lill-konsumaturi fil-qalba tas-suq uniku, hija mibnija fuq 4 oġġettivi ewlenin: li tkompli ssaħħaħ is-sikurezza tal-konsumaturi; li tkabbar l-għarfien permezz tal-informazzjoni u l-edukazzjoni; li tintensifika l-infurzar tal-liġijiet u tiżgura r-rimedji f’każijiet ta’ lmenti; u li ġġib id-drittijiet u l-politika tal-konsumatur konformi mal-bidliet fis-soċjetà u fl-ekonomija.  L-Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej, li tippreżenta wkoll għadd ta’ inizjattivi biex jiġu implimentati sal-2014, tiżgura l-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi f’ħames setturi ewlenin: l-ikel, l-enerġija, il-finanzi, it-trasport u s-settur diġitali.
 
Il-membri preżenti ġew mgħarrfa wkoll li l-Gvern Malti jappoġġja l-inizjattivi tal-Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej minħabba li din tidentifika l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-konsumaturi Maltin, u anke minħabba li l-inizjattivi inklużi fiha jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija ‘Ewropa 2020’.  Malta iżda qed tinsisti li jeħtieġ iktar għarfien dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-konsumaturi, l-iktar bit-titjib tal-metodu ta’ kif tingħata l-informazzjoni dwarhom.
 
Fid-diskussjoni, il-membri tal-Core Group qajmu xi punti, fosthom:
• Il-ħarsien tal-kwalità u l-garanziji tal-prodotti;
• Il-ġenwinità tar-riklamar tas-servizzi offruti mill-kumpaniji fosthom tat-telekomunikazzjoni;
• Il-ħtieġa ta’ aktar sorveljanza tas-suq;
• L-importanza tar-regolamentazzjoni tal-logħob diġitali;
• Il-ħtieġa ta’ iktar għarfien dwar l-informazzjoni li tingħata fl-ippakkeġġjar tal-prodotti u dwar ir-regolamentazzjoni marbuta magħhom, fosthom il-mediċini.
 
B’reazzjoni, Dott. Fenech Farrugia qalet li qed jittieħdu bosta miżuri biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-prodotti li hawn fis-suq, filwaqt li ċċarat li skont ir-regoli tal-UE kull prodott għandu garanzija ta’ sentejn.  B’rabta mar-riklamar ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni, intqal li se jitfasslu linji gwida biex l-interpretazzjoni tar-regolamenti fl-Istati Membri tkun l-istess għall-kumpaniji kollha li joperaw f’dan is-settur.  Dwar is-sorveljanza tas-suq spjegat li qed jittieħdu l-miżuri meħtieġa b’mod partikolari fir-rigward tal-ittikkettjar tal-prodotti, tant li l-MCCAA qed tisħaq fuq iktar edukazzjoni f‘dan il-qasam.  B’rabta mal-logħob diġitali, intqal li l-MCCAA tieħu passi dwar ilmenti li tirċievi dwar xi kumpaniji li joperaw minn Malta f’pajjiżi oħrajn u li ma jagħtux il-premjijiet li jwiegħdu. L-MCCAA qed tinvestiga l-każi mal-entitajiet konċernati, anke jekk is-suq ta’ dawn il-kumpaniji jikkonsisti f’konsumaturi barranin.  Dwar il-mediċini, intqal li l-MCCAA u l-Awtorità dwar il-Mediċini jaraw li l-prezzijiet tal-mediċini jkunu konformi ma’ prezzijiet Ewropej u anke jirregolaw il-mediċini rreġistrati f’Malta.
 
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja, Chris Said li mexxa l-laqgħa, fisser is-suġġett trattat fil-Core Group tal-lum bħala importanti ħafna u li jolqot lill-konsumaturi minn aspetti differenti.  Hu qal li x-xejriet fil-konsum tal-prodotti u s-servizzi qed jinbidlu ħafna minħabba li qed jiżdied ix-xiri onlajn li qed iħalli l-effett tiegħu fuq in-negozji Maltin.  Għaldaqstant ħeġġeġ biex ikun hawn iktar għarfien dwar id-drittijiet u l-interessi kemm tal-konsumatur kif ukoll tan-negozjanti Maltin.