Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

PR142950

PR142950

16/12/2014

STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI FI ĦDAN L-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

Konferenza ta’ ġurnata tlaqqa’ ‘l fuq minn mitt uffiċjal għoli fis-Settur Pubbliku biex tiġi adottata kultura ta’ titjib kontinwu permezz tal-CAF
 
Aktar entitajiet pubbliċi, kemm lokali kif ukoll Ewropej, qed idaħħlu kultura li jevalwaw lilhom infushom permezz tal-għodda tal-Common Assessment Framework (CAF). Għodda li tappoġġja uffiċjali pubbliċi biex itejbu aspetti varji fl-organizzazzjoni.
 
Dan kien l-għan ewlieni ta’ konferenza ta’ ġurnata organizzata mill-Management Efficiency Unit (MEU) fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li laqqgħet ‘l fuq minn mitt uffiċjal għoli fis-Settur Pubbliku fosthom Segretarji Permanenti, Diretturi Ġenerali u Diretturi kif ukoll Kapijiet ta’ entitajiet varji.
 
Fost l-interventi li saru kien hemm rappreżentant mill-amministrazzjoni pubblika tal-Awstrija li qasam l-esperjenza tiegħu dwar l-impatt tal-CAF f’entitajiet pubbliċi f’pajjiżu kif ukoll esperjenza ta’ Viċi Kap ta’ skola pubblika fin-naħa ta’ fuq tal-Italja u l-bidla pożittiva li ġab miegħu l-CAF.
 
Għalaq il-konferenza s-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar li saħaq li l-CAF qed iwassalna għall-għanijiet tagħna, dak ta’ Servizz Pubbliku flessibbli u li jilħaq l-aspettattivi tan-nies.
 
Permezz tal-CAF, qal is-Sur Cutajar, is-Servizz Pubbliku jinbidel skont il-ħtiġijiet tal-pubbliku u b’hekk inkomplu ntejbu l-ħajja tan-nies b’mod tanġibbli. Jeħtieġ li niffaċilitaw ħajjet iċ-ċittadin u l-imprenditur, u mhux noħolqu sistemi u proċeduri li jdaħħluna f’iktar sqaqien. Għalhekk li ħeġġeġ lil aktar entitajiet biex jadottaw l-għodda tal-CAF għall-ġid tat-tmexxija tal-organizzazzjoni kif ukoll għall-aħjar tas-servizz mogħti lill-pubbliku.
 
Dwar is-sena 2015, is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li s-Servizz Pubbliku se jkompli jniedi diversi miżuri u strateġiji biex is-Servizz Pubbliku jkompli jilħaq l-għanijiet tal-flessibilità u l-effiċjenza.
 
Fi tmiem il-konferenza, il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) flimkien mal-Agenzija Appoġġ ingħataw ċertifikat intitolat ‘CAF Effective User Label’ wara li għaddew minn proċess ta’ skrutinju mill-MEU.