Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr142330

PR142330

13/10/2014

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI FI ĦDAN L-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

​Servizz aktar faċli għalik

Mil-lum, servizz.gov.mt sar iktar faċli u aċċessibbli għall-pubbliku. Fil-ġimgħat li għaddew, is-sit elettroniku, li jservi ta’ pjattaforma ċentralizzata li permezz tagħha individwu jista’ jibgħat rikjesta dwar kwalunkwe servizz tal-Gvern, għaddiet minn bidliet bil-għan li toffri servizz aktar sempliċi lill-pubbliku.

Is-simplifikazzjoni saret fil-mod kif tirreġistra suġġeriment, ilment jew talba għall-informazzjoni. B’hekk, mil-lum, individwu jista’ mill-kumdità ta’ daru jew l-uffiċċju, jidħol fis-sit, idaħħal id-dettalji personali tiegħu inkluż in-numru tal-Karta tal-Identità, jagħti deskrizzjoni tar-rikjesta tiegħu u jibgħat.

Persuna m’għandiex għalfejn toqgħod tinkwieta fejn se tindirizza r-rikjesta tagħha. Dan għaliex din is-sistema ċentralizzata tikkollabora ma’ Ministeri, Dipartiment, Entitajiet u Kunsilli Lokali u tkun hi li tibgħat ir-rikjesta lid-Dipartiment jew Entità konċernata.

Dan il-proċess ta’ simplifikazzjoni fis-sit servizz.gov.mt jagħmel parti mit-tiġdid li għaddej minnu s-Servizz Pubbliku bil-għan li jkun aktar effiċjenti u joffri servizz aħjar liċ-ċittadin.

B’kollox hemm madwar ħamsin miżura li jridu jittieħdu bil-għan li s-Servizz Pubbliku jkun inqas burokratiku, jittieħdu deċiżjonijiet amministrattivi fil-ħin, b’inqas taħbit liċ-ċittadin.