Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr142494

PR142494

27/10/2014

REPEAL’S DAY

 
Tneħħija ta’ liġijiet anakronistiċi u ħidma sabiex titnaqqas il-burokrazija
  
Matul l-aħħar 8 xhur kien hemm ħidma kontinwa sabiex jiġu identifikati liġijiet anakornitsiċi, li m’għadhomx relevanti għas-soċjetà moderna ta’ pajjiżna. Din il-ħidma saret b’kollaborazzjoni tas-Segretarjat Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni Amministrattiva, il-Kummissjoni tal-Liġijiet u s-Segretarju Prinċipali Permanenti, li ħadmu qatigħ sabiex l-aċċess tal-liġijiet jiġi ffaċilitat u jitneħħew liġijiet superfluwi distakkati mir-realtà moderna.
 
Il-Prim Ministru Joseph Muscat spejga kif is-simplifikazzjoni tal-amministrazzjoni tal-Gvern hu proċess metikoluż imma bżonnjuż ferm, dan għaliex ħafna proċessi burokratiċi jieħdu fit-tul u b’hekk qed jiswew ħafna ħin u flus lit-tax payer. Spjega kif iċ-ċivil irid jasal f’punt li jkollu sistema faċli, li tinftiehem aktar u li tkun effiċjenti. Għaldaqstant ċetu liġijiet għandhom jiġu aġġornati għal pajjiż aktar modern. B’dan il-mod, il-pubbliku jkun moqdi aħjar. Il-Prim Ministru spjega kif is-simplifikar fil-proċess tat-tenders pereżempju jgħin sabiex aktar kumpaniji żgħar jitħajru aktar biex jissottomettu l-offerti tagħhom. It-tneħħija tal-liġijiet anakronistiċi  tgħin għaliex uħud mil-liġijiet kienu qed jiddemotivaw lis-settur privat u l-investitur barrani.
 
Bħalissa l-Ktieb tal-Liġijiet ta’ Malta  jikkonsisti f’536 liġi, li wħud minnhom m’għadhomx applikabbli għas-soċjetà moderna bħal pereżempju t-tneħħija tal-jedd ta’ rifuġju fil-Knejjes; il-projbizzjoni ta’ esportazzjoni ta’ oġġetti u l-ordinanza tal-bejgħ ta’ ċereali fost l-oħrajn. Għaldaqstant inħasset il-ħtieġa li l-liġijiet jiġu riveduti b’mod komprensiv sabiex ċerti anakroniżmi jitneħħew u/jew jinkitbu mill-ġdid. Jeżistu wkoll xi liġijiet li jikkontradixxu lil xulxin, jew li qatt ma ġew fis-seħħ jew saħansitra jikkozzaw mar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk dan l-eżerċizzju kien meħtieġ ferm sabiex titnaqqas il-burokrazija, jingħata servizz fil-pront liċ-ċittadini, titnaqqas l-ispiża tal-Gvern u l-liġi tinftiehem aħjar miċ-ċittadin.
 
Il-Prim Ministru fakkar kif l-aħħar reviżjoni tal-liġijiet saret 30 sena ilu u spjega kif se jiġu revokati u jitneħħew liġijiet li m’għadhomx relevanti għas-soċejtà ta’ llum. B’hekk se jitneħħew 36 liġi prinċipali u 116 liġi sussidjarja. Barra minn hekk 9 liġijiet primarji se jkunu konsolidati f’liġijiet oħra diġà eżistenti.
 
Il-Prim Ministru semma wkoll l-introduzzjoni tas-Sunset Clause, li permezz tagħha meta l-Parlament idaħħal liġi ġdida jkun jista’ jagħti data ta’ meta tiġi fis-seħħ u ta’ meta għandha titneħħa. B’hekk il-liġi jkollha expiry date u b’hekk titneħħa meta d-data tagħha tkun għalqet sakemm il-Parlament ma jagħżilx li jġeddidha. B’dan il-mod, il-Parlament ma jkollux għalfejn jieħu miżuri sabiex titneħħa liġi li ma tkunx għadha valida.