gov.mt

pr150761

PR150761

10/04/2015

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI

Aktar korsijiet akkademiċi għal uffiċjali pubbliċi fl-Università ta’ Malta u l-MCAST
 
Waqt ċerimonja ta’ gradwazzjoni li rat il’ fuq minn mitt uffiċjal pubbliku jirċievi kwalifika rikonoxxuta, is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar qal li minn Ottubru li ġej, l-Università ta’ Malta kif ukoll l-MCAST se jkunu qed joffru iktar korsijiet għal uffiċjali pubbliċi. Dan hekk kif kompliet tissaħħaħ is-sħubija bejn is-Servizz Pubbliku u l-Università ta’ Malta u l-MCAST tul dawn l-aħħar xhur. Sħubija li tissarraf f’aktar uffiċjali pubbliċi mħarrġa u professjonali f’xogħolhom li effettivament jissarraf f’Servizz Pubbliku aħjar.
 
Il-korsijiet akkademiċi li se jibdew jiġu offruti minn Ottubru 2015 huma kemm f’livell ta’ Degree kif ukoll ta’ Masters. Fost dawn il-korsijiet se jkun hemm Degrees ġodda fl-Amministrazzjoni Pubblika, Public Policy kif ukoll korsijiet ta’ Project Managers. Min-naħa tiegħu, iċ-Ċentru għall-Iżvilupp, Riċerka u t-Taħriġ, is-CDRT se jkun qed jipprovdi placements għall-istudenti Universitarji li qed isegwu korsijiet relatati mas-Servizz Pubbliku, biex jagħmlu r-riċerka u xogħol ieħor li jistgħu jużaw għat-teżijiet tagħhom. B’hekk, jiggwadanjaw kemm l-istudenti nfushom kif ukoll is-Servizz Pubbliku.
 
Matul din iċ-ċerimonja, sitta u ħamsin uffiċjal pubbliku rċieva kwalifika talli temm b’suċċess Diploma in Public Management filwaqt li tnejn u ħamsin oħra temmew Foundation Course in Customer Care. Iċ-ċertifikati ġew ippreżentati mis-Segretarju Permanenti Ewlieni.
 
L-għan tad-Diploma huwa li tikkonsolida l-programmi ta’ taħriġ mogħti mis-CDRT lill-uffiċjali pubbliċi tul is-snin u tagħtihom kwalifika rikonoxxuta. Min-naħa l-oħra, il-Foundation Course huwa mmirat biex jintroduċi prattiki ġodda fost uffiċjali pubbliċi fil-Customer Care filwaqt li jtejjeb il-ħiliet ta’ dawk li ilhom jaħdmu f’dan il-qasam.
 
Lista sħiħa tal-korsijiet il-ġodda toħroġ fil-prospectus għas-sena akkademika 2015-2016.