Jinfetħu b’mod uffiċjali ċ-ċentri reġjonali ta’ servizz.govIċ-ċentri reġjonali ta’ servizz.gov li se jkunu qed joffru servizzi governattivi fil-qalba tal-komunità, infetħu b’mod uffiċjali waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar, u mis-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u Simplifikazzjoni Amministrattiva Michael Falzon fil-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid.
It-tliet ċentri ta’ servizz.gov, bi sħab mal-privat, bdew joperaw bi prova tliet ġimgħat ilu f’Birkirkara, il-Qawra u Raħal Ġdid. Cutajar spjega li, f’dan il-perjodu, servizz.gov, li joffri mal-250 servizz differenti, laqa’ mat-3,000 każ fit-tliet ċentri rispettivi. L-iktar ċentru li żar il-pubbliku kien dak tal-Qawra.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal ukoll li l-iktar oqsma li l-pubbliku qed jitlob servizz dwarhom huma identity management, sigurtà soċjali, u taxxa fost l-oħrajn. Spjega li dawn iċ-ċentri reġjonali se jiffrankaw l-iskariġġ tal-pubbliku li joqgħod idur minn dipartiment għall-ieħor. Il-ħinijiet se jkunu aktar flessibli, fosthom bil-ftuħ taċ-ċentri nhar ta’ Sibt bil-għan li l-pubbliku jinqeda aħjar.
It-tieni fażi tibda s-sena d-dieħla, spjega Mario Cutajar, b’aktar ċentri jinfetħu fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla, filwaqt li tingħata attenzjoni akbar lill-kwalità.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u Simplifikazzjoni Amministrattiva Michael Falzon irringrazzja lill-persuni kollha li ħadmu fuq dan il-proġett u li kienu essenzjali biex servizz.gov ikun wieħed ta’ suċċess.
Semma wkoll diversi inizjattivi oħra li ttieħdu minn din l-amministrazzjoni biex ikun hemm iktar simplifikazzjoni, fosthom it-tneħħija tal-vouchers tad-dawl, skemi ta’ sigurtà soċjali fejn m’hemmx bżonn iktar ta’ applikazzjoni, diversi miżuri fil-qasam tas-saħħa u tal-finanzi, kif ukoll diversi applikazzjonijiet fil-MEPA fejn daħlet l-iskema tal-One Stop Shop.
Michael Falzon kompla billi qal li b’inizjattivi bħal dawn, il-Gvern qed juri biċ-ċar li huwa kommess li jwettaq dak li wiegħed. Permezz ta’ dawn iċ-ċentri se jkun hemm iktar tnaqqis ta’ burokrazija, u l-pubbliku se jkun moqdi aħjar, f’inqas żmien u b’iktar effiċjenza.
Temm billi awgura kull suċċess lil dawn iċ-ċentri, kif ukoll awgura suċċess għat-tieni fażi tal-proġett fejn se tara l-ftuħ ta’ numru ta’ ċentri reġjonali oħra bil-għan li ċ-ċittadin ikun jista’ jinqeda aħjar.
Preżenti għat-tnedija kien hemm ukoll il-Kummissarju għas-Simplifikazzjoni u Tnaqqis tal-Burokrazija Anthony Agius Decelis, u Segretarji Permanenti li lkoll qed jagħtu s-sehem tagħhom għas-suċċess ta’ dan il-proġett.