Qed tiġi mħabbra direttiva ġdida immirata biex issaħħaħ il-kontabiltà u l-funzjoni tal-ippjanar fis-Servizz Pubbliku. Direttiva Numru 10, li se tidħol fis-seħħ fl-ewwel ta’ Frar tas-sena d-dieħla, titratta l-ħtieġa obbligatorja li jiġu ppreparati Business u HR Plans għal tliet snin, li jiġġeddu kull sena. L-għan aħħari ta’ din id-direttiva huwa t-tisħiħ u l-effettività tas-Servizz Pubbliku kif ukoll l-immaniġjar finanzjarju.
Id-Direttiva se tkun qiegħda tagħti s-setgħa lis-Segretarji Permanenti biex ifasslu u jattwaw l-imsemmija Business u HR Plans mingħajr il-ħtieġa għall-approvazzjoni mill-awtoritajiet ċentrali.
Id-Direttiva tkopri wkoll is-separazzjoni tal-funzjonijiet operattivi u strateġiċi fl-immaniġjar tar-riżorsi umani. B’din is-separazzjoni, l-oqsma tal-iżvilupp u s-saħħa tal-impjegati se jingħataw attenzjoni ikbar. Dan se jkun jista’ jsir bit-twaqqif tad-Diviżjoni għall-Implimentazzjoni, Żvilupp u Taħriġ tal-Impjegati u Standards (IPDTS) fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Min-naħa l-oħra, l-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani tal-Amministrazzjoni Pubblika, il-PAHRO, se tkun l-awtorità ċentrali li tivverifika u tissorvelja d-dimensjoni operattiva tal-proċessi tar-riżorsi umani kif delegati lill-Ministeri. Dan filwaqt li l-Ministeru tal-Finanzi se jissorvelja lill-Ministeri biex jassigura li qed jimxu mal-allokazzjoni finanzjarja kif approvata fl-estimi tal-Baġit.
L-awtorità li qed tingħata lis-Segretarji Permanenti taħt din id-direttiva ma tkoprix il-ħolqien ta’ pożizzjonijiet ġodda, il-ħolqien ta’ postijiet vakanti fil-kategoriji partikolari ta’ postijiet, il-ħolqien ta’ postijiet vakanti li jaqbżu l-fondi disponibbli għall-Ministeri, u l-għoti ta’ allowances u gwadanni oħra.
Intant, il-ġimgħa d-dieħla se tara l-ħruġ ta’ żewġ policies ġodda dwar il-midja soċjali u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja. L-ewwel policy hija bbażata fuq linji gwida ta’ kif l-Amministrazzjoni Pubblika għandha tisfrutta l-midja soċjali bħala mezz ta’ komunikazzjoni mal-pubbliku. Dan filwaqt li toffri wkoll gwida lill-ufficjali pubbliċi bil-għan li jkunu jafu kif jistgħu jużaw l-midja soċjali fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll b’mod privat.
Minn-naħa l-oħra, il-policy dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tiffoka fuq l-oqsma li l-management irid jagħti każ meta jiġi biex jimplimenta policies għall-immaniġjar tal-miżuri għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja. Ewlenin fosthom hemm telework, reduced hours u flexi-time. Il-management irid jikkunsidra l-eżiġenzi tal-Ministeru jew Dipartiment konċernat, qabel ma japprova t-tali talbiet.
Dawn il-policies, flimkien mal-ħruġ tad-Direttiva Numru 10, ħa jkomplu jsaħħu u jġeddu s-Servizz Pubbliku u l-operat tiegħu, bil-għan li jibqa’ dejjem joffri servizz ta’ kwalità.
pr152813a.pdf
pr152813b.pdf