Aktar minn 10,000 uffiċjal pubbliku ngħataw taħriġ bħala parti minn programm indirizzat biex jiġu żviluppati ħiliet prinċipali u neċessarji fis-servizz pubbliku. Il-programm kien finanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew.
Fil-konferenza li temmet il-programm, is-Segretarju Prinċipali Ewlieni Mario Cutajar emfasizza l-importanza li nkunu responsabbli meta l-programmi ta’ taħriġ jibdew iħallu l-frott tagħhom fis-servizz mogħti.
Il-funzjoni tas-servizz pubbliku kompla jara t-tisħiħ tiegħu permezz ta’ dan il-programm li inkorpora diversi oqsma ta’ taħriġ, kemm permezz ta’ korsijiet kif ukoll sponsorships li ngħataw u li kienu indirizzati għall-gradi kollha fis-settur pubbliku. Il-programm kien suċċess tant li l-parteċipanti kienu aktar milli mistennija filwaqt li aktar minn 9,900 kisbu ċertifikat.
Is-Sur Cutajar saħaq dwar l-importanza li nkomplu niffukaw fuq il-klijenti tas-servizz pubbliku, kemm dawk li qed jagħtu s-servizz kif ukoll dawk li qegħdin jirċevuh.
L-impenn diġà beda f’dan il-għan biċ-Ċentru għall-Iżvilupp, Riċerka u Taħriġ (CDRT) ikun ta’ kulleġġ ewlieni għas-servizz pubbliku. Għalkemm is-CDRT kiseb l-akkreditazzjoni ta’ xi wħud mill-korsijiet li joffri, ma jistax iwassal kollox waħdu u għaldaqstant sar Memorandum of Understanding kemm mal-Università ta’ Malta kif ukoll mal-MCAST.
Is-Sur Cutajar qal li rridu nilħqu bilanċi ġodda speċjalment dawk l-uffiċjali pubbliċi li qed jagħmlu ħilithom biex jieħdu t-taħriġ neċessarju u javvanzaw fil-livell akkademiku, kif ukoll dawk li għandhom l-esperjenza fix-xogħol. Dawn ilkoll għandhom jingħataw l-aċċess li jsarrfu dak li gwadanjaw f’xogħolhom.
Is-Sur Cutajar ħeġġeġ kemm lis-CDRT kif ukoll lil dawk li ngħataw it-taħriġ biex dak li nkiseb jissarraf fi proġetti u sistemi aħjar biex tissaħħaħ il-funzjoni tas-servizz pubbliku.