PR150057

14/01/2015

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI FI ĦDAN L-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

Il-Gvern b’aktar miżuri li jindirizzaw il-prekarjat

Mill-ewwel ta’ Jannar 2015 il-Gvern daħħal miżura ġdida bil-għan li jindirizza l-prekarjat fost il-ħaddiema ta’ kuntratturi li jipprovdu servizzi fid-Dipartimenti u entitajiet governattivi.

Il-miżura daħlet fis-seħħ wara l-ħruġ ta’ ċirkolari x-xahar li għadda mid-Dipartiment tal-Kuntratti, li telenka r-rata minima li jitħallsu l-ħaddiema fis-servizz pubbliku, bil-għan li l-kuntratti l-ġodda kollha jiġu bbażati fuq il-gradi tal-ħaddiema tal-Gvern. B’hekk ikun assigurat li l-ħlasijiet tal-ħaddiema tal-kuntrattur ikunu ġusti meta mqabbla ma’ dawk tal-ħaddiema tal-Gvern.

Permezz ta’ din il-miżura mħabbra fid-diskors tal-Bagit 2015, il-ħaddiema tal-kuntrattur jitħallsu fuq il-bażi tal-gradi tal-ħaddiema mal-Gvern li jagħmlu l-istess tip ta’ xogħol fi ħdan id-Dipartimenti u l-entitajiet governattivi.

Mal-bidu ta’ din l-amministrazzjoni ttieħdu miżuri biex dawn il-ħaddiema jkollhom l-istess kundizzjonijiet ta’ xogħol. It-tieni fażi bdiet fix-xhur li għaddew meta ssoktat il-ħidma biex ikompli jiġi indirizzat ix-xogħol prekarju.