PR150129

23/01/2015

STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI FI ĦDAN L-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

Servizz ta’ Kwalità – Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2015

Ġiet imnedija l-ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2015 bit-tema ‘Servizz ta’ Kwalità. Programm dettaljat ta’ din il-ġimgħa ġie varat mis-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar waqt konferenza tal-aħbarijiet li tat bidu għal ġimgħa sħiħa t’attivitajiet u konferenzi.
 
Ewlenin fosthom il-Ġranet għall-Pubbliku f’seba’ entitajiet differenti li jinkludu l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Impjant tar-riċiklaġġ ta’ Sant’Antnin, il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-MITA, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Forzi Armati ta’ Malta u Heritage Malta. Dawn l-entitajiet se jkunu miftuħa għall-pubbliku, ilkoll bla ħlas, u se jservu ta’ opportunità biex il-pubbliku jiltaqa’ u jara kif jiġu offruti servizzi varji.
 
Din il-ġimgħa, spjega s-Sur Cutajar, se tara wkoll numru ta’ konferenzi u laqgħat ta’ diskussjoni fosthom dwar l-informatika u kif din se tkun qed tgħin fit-twaqqif tal-one-stop shops aktar tard din is-sena, in-negozji żgħar u medji u anke dwar ir-riżorsi umani fis-Servizz Pubbliku, deskritt mis-Segretarju Permanenti Ewlieni bħala l-iktar element kruċjali fis-Servizz Pubbliku.
 
Matul din il-ġimgħa wkoll, uffiċjali pubbliċi se jiġu rikonoxxuti ta’ xogħolhom permezz ta’ attività ta’ rikonoxximent li fiha l-uffiċjali jingħataw rikonoxximent ta’ kwalunkwe idea mogħtija dwar is-Servizz Pubbliku u kif dan jista’ jitjieb.
 
Il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2015 tilħaq il-qofol tagħħa bil-konferenza annwali għall-Kapijiet tad-Dipartimenti nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Jannar, b’mistiedna barranin fil-qasam tal-Amministrazzjoni Pubblika.
 
Matul din il-ġimgħa se jiġu organizzati wkoll attivitajiet ta’ volontarjat minn uffiċjali pubbliċi f’organizzazzjonijiet mhux governattivi u djar tat-tfal, filwaqt li l-pensjonanti se jingħataw iċ-ċans li jaraw il-proċess tal-istampar taċ-ċekkijiet tal-pensjoni permezz ta’ attività organizzata mill-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali.
 
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni nieda wkoll dokument ġdid bl-isem ta’ ‘Miżuri ta’ Simplifikazzjoni 2014’, dokument li jelenka l-142 miżura li ttieħdu matul l-2014. Dan ifisser li matul is-sena li għaddiet twettqu kważi sebgħin fil-mija tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni, bil-bqija tal-miżuri jiġu implimentati fix-xhur li ġejjin. Id-dokument se jkun qed jiġi diskuss fil-Parlament nhar l-Erbgħa 28 ta’ Jannar.
 
Matul il-konferenza tkellem ukoll il-Kummissarju għas-Simplifikazzjoni u t-Tnaqqis tal-Burokrazija Anthony Agius Decelis, li feraħ lill-protogonisi kollha li qed jipparteċipaw f’dan l-eżerċizzju  ta’ simplifikazzjoni li huwa importanti għal modernizzazzjoni ta’ dan il-pajjiż.
 
Huwa qal li s-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-burokrazija tgħin lil kulħadd f’kull tip ta’ qasam, kemm iċ-ċittadini b’mod ġenerali, dawk tan-negozju kif ukoll lil dawk li qed jagħtu s-servizz. B’hekk tissaħħaħ il-motivazzjoni tal-ħaddiema, tissarraf fi frankar ta’ ħin u flus u eventwalment il-pubbliku hemm barra jinqeda aħjar.
 
Għalaq il-konferenza s-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni ta’ Proċessi Amministrattivi, l-Avukat Michael Falzon, li qal li l-fatt li dawn iż-żewġ attivitajiet tlaqqgħu flimkien ma kienx b’kumbinazzjoni.  Hemm rabta mill-qrib bejn Servizz Pubbliku ta’ kwalità u l-bżonn li l-proċessi fi ħdan is-Servizz Pubbliku jiġu simplifikati.
 
Qal li dan kollu jġib miegħu l-isfida tal-bidla.  Hawn semma l-bżonn li rridu noqogħdu attenti wkoll li għandna ċertu responsabbiltajiet li jirrikjedu proċessi ta’ kontabbiltà, però xorta m’hemmx lok għal burokrazija.
 
L-avukat Michael Falzon kompla billi semma l-importanza tat-teknoloġija fiż-żminijiet tal-lum, biss dejjem mingħajr ma ninsew lil dawk li m’għandhomx aċċess għaliha.  Irridu nħarsu ’l quddiem u naħdmu biex inbiddlu l-attitudni in ġenerali u nkunu iktar customer-oriented.  Huwa kkonkluda billi rringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom biex dawn l-attivitajiet ikunu ta’ suċċess u ta’ gwadann għall-pubbliku.