Is-Servizz Pubbliku u l-volontarjat
Is-Sibt filgħodu numru ta’ uffiċjali pubbliċi taw ftit minn ħinhom għal xogħol volontarju f’disat idjar tat-tfal u għaqdiet mhux governattivi. Dan bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2015 bit-tema ‘Servizz ta’ Kwalità’.
Is-sitt idjar f’Malta kienu Dar is-Sliem, Dar Osanna Pia, il-Creche tal-Ursolini, il-Fondazzjoni Richmond, Dar Fra Diegu u l-Young People’s Unit tal-Isptar Monte Carmeli. F’Għawdex, l-uffiċjali pubbliċi għamlu xogħol volontarju f’Dar Ġużeppa Debono, l-OASI u l-Fondazzjoni Arka.
Kull dar elenkat il-bżonnijiet partikolari tagħha u identifikat l-ammont ta’ persuni biex jagħmlu dan ix-xogħol volontarju. Ix-xogħol kien jikkonsisti f’tibjid, tindif, xogħol ta’ manutenzjoni kif ukoll xogħol fil-ġonna.
Il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku tissokkta matul il-jum tal-Ħadd hekk kif erba’ entitajiet tal-Gvern jiftħu l-bibien tagħhom għall-pubbliku. Il-pubbliku jkollu l-opportunità jiltaqa’ u jara kif l-entitajiet joffru s-servizzi tagħhom fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, fl-aġenzija tal-informatika l-MITA, fl-Impjant tar-riċiklaġġ ta’ Sant’Antnin u fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.