Żieda ta’ 26,000 operatur ekonomiku fl-użu tal-ePPSMatul is-sena li għaddiet kien hemm żieda ta’ 26,000 operatur ekonomiku jew żieda ta’ 300% fl-użu tal-Electronic Public Procurement System, l-ePPS. Permezz ta’ din is-sistema operatur ekonomiku jkun jista’ japplika għal tenders tal-Gvern onlajn.
Dan tħabbar mis-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar waqt laqgħa ta’ diskussjoni għall-operaturi ekonomiċi, l-ewwel waħda tax-xorta tagħħa, dwar kif is-Servizz Pubbliku qed jiffaċilita l-proċess tal-ħruġ u l-għoti tal-kuntratti.
Is-Sur Cutajar qal li din l-amministrazzjoni telqet minn sitwazzjoni fejn tender kien jieħu bejn 233 ġurnata sa 278 biex jiġi evalwat u eventwalment mirbuħ. Dan meta l-medja tal-Unjoni Ewropea hija ta’ 100 jum u llum saħansitra niżlet għall-88 jum.
Wara r-ristrutturar li sar u l-inizjattivi li ttieħdu, spjega s-Segretarju Permanenti Ewlieni, il-proċess f’pajjiżna issa jiehu 115-il ġurnata.
Għamel referenza għaż-żieda fil-ħruġ ta’ tenders tal-Gvern u kif issa dan in-numru jilħaq is-7,700. Żidiet oħrajn inħassu fin-numru ta’ kumpaniji reġistrati fis-sistema tal-ePPS, bi 800 minnhom ikunu barranin.
Is-Sur Cutajar irrikonoxxa kif is-servizz tal-Customer Care fi ħdan id-Dipartiment tal-Kuntratti qed ikompli jiffaċilita ħajjet l-operaturi ekonomiċi hekk kif minn meta beda s-servizz f’Ottubru li għadda, id-Dipartiment irċieva total ta’ 1,700 telefonata minn operaturi ekonomiċi.
‘Għażilna t-tema Servizz ta’ Kwalità għall-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku għaliex il-mira tagħna mhix li ntejbu s-servizz biss jew li nilħqu l-medja tal-Unjoni Ewropea, iżda għaliex għandna r-rieda biex is-servizz ikun wieħed ta’ kwalità’, qal is-Sur Cutajar.
‘Fl-2014 waqqajna l-barrikati li kienu qed iżommu lill-operaturi ekonomiċi milli jidħlu għal tenders tal-Gvern u din is-sena se nkomplu nimbarkaw fuq diversi miżuri biex is-Servizz Pubbliku jersaq iktar lejn in-nies.’ Hawnhekk semma t-twaqqif tal-one-stop-shops aktar tard din is-sena, immirati biex joffru servizz ta’ kwalità lill-pubbliku.
Laqgħat oħra mal-operaturi ekonomiċi se jsiru fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif din l-inizjattiva ntlaqgħet tajjeb ħafna.