Sena tad-deċiżjonijiet għas-Servizz PubblikuWaqt il-konferenza annwali li għaliha attendew il-mitejn u ħamsin Segretarji Permanenti, Diretturi Ġenerali u Diretturi bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2015, is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar elenka d-deċiżjonijiet maġġuri li se jkunu qed jittieħdu fi ħdan is-Servizz Pubbliku din is-sena.
Ewlenin fosthom: Servizz Pubbliku flessibbli u li jirrispondi għall-ħtiġijiet tal-ġurnata, il-firda bejn il-personnel u r-riżorsi umani, iktar ħidma bejn l-Università ta’ Malta u ċ-Ċentru għall-Iżvilupp, Riċerka u Taħriġ (CDRT), korsijiet ġodda fl-Amministrazzjoni Pubblika u ħidma aktar mill-qrib mal-MCAST.
Dwar it-taħrig, is-Sur Cutajar qal li dan irid jiddaħħal minn meta persuna tiġi impjegata mas-Servizz Pubbliku. Għalhekk, qal is-Sur Cutajar, se jiġu introdotti induction courses biex uffiċjali ġodda jingħataw għarfien xieraq ta’ x’inhu mistenni minnhom.
Semma wkoll il-ħtieġa ta’ bilanċ ġdid li jeħtieġ li jinstab bejn uffiċjali pubbliċi ta’ esperjenza u oħrajn bi kwalifiki. ‘Jeħtieg li nsibu metodi ġodda ta’ kif nilħqu dan il-għan’, sostna s-Segretarju Permanenti Ewlieni. B’dan kollu nassiguraw l-għoti ta’ servizz ta’ kwalità liċ-ċittadin.
Dwar il-Public Service Management Code qal li din is-sena se ssir reviżjoni tar-regolamenti eżistenti bil-għan li l-PSMC isir iktar sempliċi u aġġornat.
Bħalma jrid isir aktar sempliċi, user-friendly u effiċjenti l-użu tas-servizzi tal-Gvern onlajn, qal is-Sur Cutajar. Dan hekk kif bħalissa, permezz tal-e-ID, ir-rata tal-użu tas-servizzi tal-Gvern onlajn f’pajjiżna hija baxxa.
‘Irridu tibdil fil-kultura, irridu nkunu iktar professjonali milli perfezzjonisti, iktar mexxejja milli amministraturi’, sostna s-Sur Cutajar. U tibdil fil-kultura anke permezz tat-twaqqif tal-one-stop-shops reġjonali aktar tard din is-sena bil-għan li persuna tinqeda fuq kollox minn post wieħed.
Dan kollu, saħaq is-Sur Cutajar, it-tiġdid li għaddej minnu s-Servizz Pubbliku, se jsir bl-involviment ta’ kulħadd, tal-uffiċjali pubbliċi nfushom, permezz anke tal-ideat kontinwi tagħhom u permezz tal-ħidma tal-Kapijiet tad-Dipartimenti. Hawnhekk is-Segretarju Permanenti Ewlieni nieda l-logo uffiċjali għat-tiġdid fis-Servizz Pubbliku. Tkellem ukoll dwar il-bżonn ta’ iktar għarfien tat-tajjeb li jsir u rikonoxximent tal-ħidma li ssir fi ħdan is-Servizz Pubbliku.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni temm jgħid li biex is-Servizz Pubbliku verament jagħti servizz ta’ kwalità trid tonqos il-burokrazija żejda u b’hekk jiżdiedu l-effiċjenza u t-trasparenza. Hekk biss jista’ jingħata servizz aħjar u ta’ kwalità lill-poplu kollu.