Il-Kodici ta’ Etika l-ġdid jassigura iktar trasparenza, governanza u kontabilità. Qal dan is-Segretarju Permanenti Ewlieni u s-Segretarju tal-Kabinet Mario Cutajar waqt konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu.
Il-prinċipju ewlieni ta’ dan il-Kodiċi ta’ Etika huwa mfassal fuq it-trasparenza u l-ogħla livelli ta’ governanza. Il-Kodiċi ta’ Etika nbidel sabiex jirrifletti r-realtajiet tad-dinja tal-lum. Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar spjega li fejn qabel kien hemm ċertu klawsoli li kienu jinbidlu permezz ta’ deċiżjoni tal-Kabinet, issa l-verżjoni l-ġdida tal-Kodiċi qed tifformalizza dak li kien jiġri qabel biex il-Gvern ikun iktar trasparenti f’ħidmietu.
Klawsola partikolari tikkonċerna l-waqfien mix-xogħol privat ta’ membru parlamentari hekk kif jinħatar Ministru jew Segretarju Parlamentari. Fejn qabel deċizjoni tal-Kabinet kienet tippermetti li Ministru jzomm ix-xogħol privat tiegħu, issa din id-deċiżjoni hija mniżżla fil-Kodiċi nnifsu biex il-Gvern ikun iktar trasparenti u kontabbli t’għemilu. Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Cutajar spejga li jkun il-Kabinet li jiddeċiedi jekk it-tali xogħol privat ikunx fl-interess nazzjonali jew le, kif jagħmel f’kwalunke deċiżjonijiet oħra.
Jikkumplimenta l-Kodici ta’ Etika l-ġdid għall-Ministri, hemm il-Manwal ta’ Proċeduri tal-Kabinett li fih hemm ir-regoli u l-proċeduri li tnaddfu mill-Kodiċi tal-Etika tal-1994 u tnizzlu f’dan il-manwal. Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Cutajar spjega li dan sar bil-għan li l-Kodiċi jkun imsejjes fuq il-valuri, id-dmirijiet u r-responsabilitajiet Ministerjali. B’rabta ma’ dan is-Segretarju Permanenti Ewlieni Cutajar spjega li d-dikjarazzjoni tal-assi se tibqa’ ssir bl-istess mod, jiġifieri li l-membri tal-Kabinett jiddikjaraw kemm jaqilgħu huma kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom, jiġifieri l-konjugi u t-tfal.
Il-Kodiċi ta’ Etika tal-Ministri se jiġi inkorporat fil-Kodiċi ta’ Etika għall-Amministrazzjoni Pubblika li se jiġi pubblikat lejn l-aħħar ta’ din is-sena, bidu tas-sena d-dieħla. Dan hekk kif bħalissa għaddej proċess li permezz tiegħu qed jiġu evalwati l-Kodiċi ta’ Etika għall-entitajiet governattivi kif ukoll il-Kodiċi ta’ Etika għall-Uffiċjali Pubbliċi li effettivament jingħaqdu f’Kodiċi wieħed.