PR150430

02/03/2015

STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI FI ĦDAN L-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

Dehra ġdida għal Pjazza Kastilja
 
It-Tnejn filgħodu l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni flimkien mal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir żvelaw id-disinn finali li se jagħti dehra differenti lill-pjazza ta’ quddiem il-Berġa ta’ Kastilja.
 
Waqt press briefing għall-mezzi tax-xandir, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar tkellem dwar ir-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta, kemm bi tħejjija għall-2018, meta l-Belt Valletta tkun il-Kapitali Ewropea għall-Kultura kif ukoll lil hinn minnha.
 
Spjega li d-disinn il-ġdid se jkun qiegħed jelimina r-roundabout f’nofs il-pjazza u minflok, il-pjazza se terġa’ tmur lura għal li kienet fl-imgħoddi, jiġifieri spazju miftuħ biex jitgawda mill-pubbliku. Barra minn hekk toħroġ ukoll is-sbuħija tal-faċċata tal-Berġa ta’ Kastilja fl-istess ħin li ma jintmessx l-aċċess għal Triq San Pawl u l-parkeġġ ta’ quddiem il-Bank Ċentrali. Il-ħsieb hu, spjega s-Segretarju Permanenti Ewlieni, li l-monumenti tal-Prim Ministri jkunu miġburin fi Pjazza Kastilja.
 
Is-Sur Cutajar qal li saret konsultazzjoni sħiħa ma’ stakeholders differenti inkluż mal-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar, li wara diskussjonijiet li saru, irrakkomandaw l-espert arborikulturali Ian Lansley. Lansley se jkun qiegħed isegwi l-proċess tat-tħawwil mill-ġdid tal-erba’ siġar taż-żnuber, li tlieta minnhom se jerġgħu jitħawlu fl-istess pjazza filwaqt li r-raba’ siġra se titħawwel fil-Pinetum, il-Furjana.
 
Sadanittant, iktar minn mitejn siġra żgħira taż-żnuber (seedlings) se jitħawwlu iktar ‘il quddiem. Qal ukoll li riżultat ta’ din il-konsultazzjoni, il-Gvern flimkien ma’ FAA se jkunu qed jaħdmu flimkien bil-għan li f’Wied Blandun jitħawlu diversi siġar indiġeni.
 
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Stefan Zrinzo Azzopardi tkellem dwar l-ippjanar ta’ dan il-proġett b’mod partikolari fuq l-immaniġġjar tat-traffiku. Għal dan il-għan, il-proġett qed isir flimkien ma’ Transport Malta, kemm biex jiġu ppjanati z-zoni ta’ pavimentar kif ukoll biex jiġi faċilitat it-traffiku.
 
Is-Sur Zrinzo Azzopardi spjega li bil-għan li l-proġett jitlesta fiż-żmien stipulat, jiġifieri f’Ottubru ta’ din is-sena biex pajjiżna jkun jista’ jospita ċ-CHOGM f’Novembru li ġej, il-pjazza inqasmet f’żoni differenti biex ix-xogħol ikun jista’ jibqa’ għaddej mingħajr ebda waqfien jew dewmien żejjed.
 
Ix-xogħol infrastrutturali se jibda fil-ġranet li ġejjin.