Imniedi l-proġett ‘Servizzi Pubbliċi Onlajn’
Imniedi proġett immirat biex ikabbar l-għarfien u l-użu tas-servizzi elettroniċi tal-Gvern bl-isem ta’ ‘Servizzi Pubbliċi Onlajn’. Il-proġett immexxi mill-MITA tħabbar mill-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija Tony Sultana flimkien mas-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar u s-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u Tkabbir Ekonomiku Josè Herrera.
Il-proġett huwa maqsum fuq tliet binarji li huma riċerka, taħriġ u kampanja ta’ għarfien. Ir-riċerka se ssir biex titfa’ dawl fuq ir-raġunijiet għaliex in-nies jużaw jew ma jużawx is-servizzi elettroniċi tal-Gvern. Fl-istess ħin se jsir taħriġ għal numru kbir ta’ uffiċjali mis-settur pubbliku li ta’ kuljum jaqdu liċ-ċittadini jew lin-negozji fil-Ministeri jew Dipartimenti rispettivi. Se jingħata wkoll taħriġ lis-Segretarji Permanenti, CIO’s u uffiċjali għolja oħra dwar kif il-Gvern, permezz tat-teknoloġija, jista’ jissimplifika s-servizzi pubbliċi u jniedi servizzi elettroniċi aħjar. Il-proġett ikopri wkoll kampanja ta’ għarfien dwar numru ta’ servizzi pubbliċi onlajn, fosthom għajnuna dwar kif jintużaw.
Għal dan il-proġett intgħażlu 26 servizz li jolqtu kemm liċ-ċittadini kif ukoll lin-negozji. Fost l-oħrajn hemm servizzi elettroniċi mir-reġistru pubbliku, l-ETC, taxxa interna u VAT, agrikoltura, sigurtà soċjali u s-sit
www.servizz.gov.mt
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar fisser dan il-proġett bħala parti minn proċess ta’ tiġdid fis-Servizz Pubbliku. Qal li s-Servizz Pubbliku jista’ jkun aktar effiċjenti b’sistemi ġodda li jgħinu biex iċ-ċittadin jinqeda fl-iqsar żmien possibli. B’dan il-proġett kif ukoll bit-twaqqif tal-ewwel one-stop-shop aktar tard din is-sena se tingħata missjoni ġdida lis-Servizz Pubbliku. Saħaq li hemm bżonn intejbu l-ammont ta’ nies li jużaw is-servizzi tal-Gvern onlajn u waħda mill-miżuri se tkun li nnaqqsu l-bżonn tal-e-ID f’bosta servizzi.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u Tkabbir Ekonomiku Josè Herrera semma kif skont ir-rapport ‘Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali’ ippublikat mill-Kummissjoni Ewropea fl-aħħar ta’ Frar, pajjiżna jikklassifika fil-15-il post mit-28 stat membru tal-UE. Dr Josè Herrera saħaq li minkejja li s-servizzi tal-Gvern onlajn f’pajjiżna huma minn ta’ fuq nett f’termini ta’ disponibbilità u sofistikazzjoni, huma biss 27% tal-utenti tal-Internet li jagħmlu użu sħiħ minnhom. Għalhekk li proġett bħal dan huwa bżonjuż biex jitkattar l-għarfien dwar x’servizzi pubbliċi jeżistu onlajn.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MITA Tony Sultana qal li t-tnedija ta’ servizzi elettroniċi ġodda hija importanti iżda wasal iż-żmien li nkattru l-għarfien fis-soċjetà dwar is-servizzi li jeżistu diġà u l-benefiċċji kollha li joffru. Il-proġett, kofinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew, qiegħed isir mill-MITA flimkien ma’ diversi msieħba fosthom is-CDRT, diversi ministeri u Digitaliseringsstyrelsen, l-aġenzija diġitali tal-Gvern Daniż.