Żewġ proġetti oħra li jagħtu nifs ġdid lill-Belt VallettaL-iżvilupp u r-restawr tas-Suq tal-Belt fi Triq il-Merkanti se jsir mill-konsorzju privat Arkadia Marketing Ltd. Dan tħabbar mis-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar waqt sessjoni ta’ tagħrif li matulha ngħataw dettalji dwar il-proġett ta’ seba’ miljun ewro li se jagħti nifs ġdid lill-Belt Valletta.
Mat-tlestija tiegħu fi tmiem l-2016, is-Suq tal-Belt se jkun qed jiġġenera madwar mija u tletin impjieg.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni spjega li Arkadia Marketing Ltd., il-kumpanija li ntgħażlet wara l-ħruġ ta’ espressjoni ta’ interess għall-iżvilupp u r-restawr tas-suq, ingħatat il-bini b’ċens għal ħamsa u sittin sena. Il-kumpanija hija obbligata li żżomm l-element tradizzjonali tas-suq u miegħu hija obbligata wkoll li żżid element ta’ kultura wara li tidħol f’arranġamenti mal-Kunsill Malti għall-Arti biex is-suq joffri kalendarju kulturali.
Il-General Manager ta’ Arkadia Marketing Ltd. is-Sur Antoine Portelli spjega li s-Suq se jkun mifrux fuq tliet livelli, bis-sular ta’ isfel joħloq mill-ġdid l-essenza tas-Suq tal-Belt b’taħlita ta’ ikel frisk. Is-sular tat-triq se jkun iddedikat kompletament għall-bejjiegħa li se jkunu qed jippreparaw ikel minn diversi kċejjen biex jittiekel dak il-ħin filwaqt li s-sular ta’ fuq se jkun spazju miftuħ għal dawk li jkunu jridu jirrillassaw u jissoċjalizzaw.
Proġett ieħor li wkoll se jkun qed jagħti ħajja ġdida lill-belt kapitali huwa dak ta’ Strada Stretta b’investiment ta’ wieħed punt tnejn miljun ewro. Is-Sur Cutajar qal li l-proġett ta’ riġenerazzjoni se jikkonsisti fl-immodernizzar tal-infrastruttura u servizzi tal-ilma u tal-elettriku ġodda, ir-restawr tal-pavimentar, l-installazzjoni ta’ dawl arkitettoniku u r-restawr tas-sinjali storiċi.
Anke f’dan il-proġett, spjega s-Sur Cutajar, inħarġet espressjoni għall-ideat. Saret ukoll riċerka estensiva fuq Strada Stretta mir-Rehabilitation Projects Office biex il-proġett jirrispetta t-tradizzjoni tat-triq. Dwar l-istrateġija ta’ Strada Stretta, is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li bħalissa qed jiġu evalwati l-kummenti tal-pubbliku dwar it-triq, biex imbagħad il-policy tiġi implimentata.
Deskrizzjoni tal-Proġett tas-Suq tal-Belt:
http://youtu.be/mDfZFXOpEgs