B’referenza għar-reazzjoni tal-Oppożizzjoni dwar l-investiment ta’ seba’ miljun ewro minn konsorzju privat għall-iżvilupp u r-restawr tas-Suq tal-Belt, jidher li l-Oppożizzjoni ma tafx li qabel riżoluzzjoni titressaq għad-diskussjoni fil-Parlament, iridu jingħalqu n-negozjati mal-kumpanija magħżula.
Dan biex il-ftehim mal-kumpanija jiġi ppreżentat fil-Parlament flimkien mar-riżoluzzjoni.
Kif digà spjegat dalgħodu, il-kumpanija in kwistjoni intgħażlet wara l-ħruġ ta’ espressjoni ta’ interess li għaliha rrispondew għoxrin konsorzju. Arkadia Marketing Ltd ġiet magħżula wara l-ħruġ ta’ request for proposal li ntalab wara l-expression of interest, bil-għan li l-Gvern ikollu f’idejh proposta iktar iddettaljata. Għalhekk, l-ewwel pass biex tiġi diskussa r-riżoluzzjoni kien l-identifikazzjoni tal-kumpanija, kif fil-fatt sar.
Hu mistenni li r-riżoluzzjoni titressaq għad-diskussjoni fil-Parlament fil-jiem li ġejjin qabel ma jiġi ffirmat il-kuntratt finali.