L-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani fl-Amministrazzjoni Pubblika rikonoxxut mill-EU-OSHA
Lejlet il-Jum Dinji għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-post tax-Xogħol, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-post tax-Xogħol l-EU-OSHA organizzat ċerimonja ta’ rikonoxximent f’Riga l-Latvja bħala parti minn kampanja mmirata biex toħloq għarfien dwar l-immaniġġjar tal-istress fuq il-post tax-xogħol.
Iċ-ċerimonja intitolata Healthy Workplaces Good Practices Award 2014-2015 irrikonoxxiet lill-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani fl-Amministrazzjoni Pubblika f’pajjiżna (PAHRO) għall-ħidma tiegħu mal-impjegati pubbliċi permezz tal-Employee Support Programme.
Il-PAHRO kienu fost tlieta u għoxrin organizzazzjoni ġejjin minn sitta u għoxrin pajjiż differenti. It-tlieta u għoxrin organizzazzjoni ntgħażlu minn total ta’ ħamsa u ħamsin sottomissjoni.
L-għan ta’ din iċ-ċerimonja huwa li jiġu rikonoxxuti prattiċi tajba li permezz tagħhom jiġi mmaniġġjat l-istress u r-riskji psikoloġiċi oħra fuq il-post tax-xogħol, iżda mhux biss. L-EU-OSHA tirrikonoxxi prattiċi tajbin u innovattivi adottati minn organizzazzjonijiet differenti filwaqt li taqsam informazzjoni utli dwar prattiċi tajba fl-Ewropa.
Filmati taċ-ċerimonja huma aċċessibbli minn osha.europa.eu